Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għan-nies

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għan-nies. U proprju huwa dan li qed iwiegħed – kandidati idonji u li jkunu dejjem qrib in-nies. Kull lokalità jixirqilha l-aħjar u Ħal Qormi mhux inqas.

Sosnta dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fil-lokalita ta’ Ħal Qormi fejn kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mar-residenti, ma’ bejjiegħa tal-monti kif ukoll sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali.

Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-Ko-ordinatur politiku Jean Pierre Debono, deputati, kunsilliera, kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjonijet li se jsiru f’Mejju, kemm dik tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali.

Adrian Delia qal li Ħal Qormi gawda bil-bosta fi żmien li l-Kunsill Lokali kien immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista. Tul dak iż-żmien, il-Kunsill ħadem sabiex saru iktar minn 50 triq bit-tarmak, titnaqqas drastikament il-problema tal-għargħar, kif ukoll ħa ħsieb li jirrinova numru ta’ pjazez madwar il-lokalità kollha.

Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien ra wkoll li tingħata importanza li jkompli jsir investiment  f’din il-lokalità. Filfatt insibu li fost oħrajn Gvern Nazzjonalista investa fl-Adventure and Fitness Park. Proġett li suppost kellu jitkompla tul is-snin billi jiżdiedu iktar faċilitajiet iżda Gvern Laburista għazel li dan ix-xogħol ma jitkompliex u jitwarrab. B’hekk dan il-park spiċċa abbandunat, u konsegwenza ta’ dan qed ikun ta’ periklu għal dawk it-tfal u l-familji li jagħmlu użu minnu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar it-tħassib tal-bejjiegħa tal-monti, li huwa settur li prattikament qed jispiċċa u l-Gvern mhu qed jagħmel xejn.

Adrian Delia sostna li mijiet ta’ negozji żgħar qed juru d-diżappunt tagħhom li l-Gvern mhux qed jagħtihom inċentivi u għalhekk in-negozju tagħhom sejjer lura. Huwa sostna li kull lokalità jixirqilha l-aħjar u Ħal Qormi mhux inqas.

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dar diversi lokalitajiet u sema’ l-aspirazzonijiet tan-nies. Il-PN huwa qrib in-nies. U dan huwa proprju dak li qed iwiegħed – lista ta’ kandidati idonju li jekk ikunu eletti se jkomplu jaħdmu b’risq il-Qriema kollha u se jkunu t-tarġa tar-residenti fil-bżonnijiet tagħhom.