Lokali

Irridu nibqgħu nħossu r-realtajiet tar-residenti

Qed inżuru l-lokalitajiet ta’ kuljum għax irridu nibqgħu nħossu r-realtajiet tar-residenti fil-lokalitajiet kollha.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem attività soċjali fil-Każin tal-Partit f’Birżebbuġa. Akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjoni lokali u għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll minn Deputati tad-distrett u membri tal-Kumitat Sezzjonali, Adrian Delia ħa l-opportunità jiltaqa’ u jitkellem f’ambjent informali ma’ dawk preżenti.

Minn tfal sa anzjani, hu ngħata merħba sabiħa f’lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fi żvantaġġ politiku qawwi. Iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal lil dawk preżenti li m’għandhomx jaqtgħu qalbhom. Minflok, għandhom jaraw li jkomplu jwasslu l-messaġġ tal-Partit fost dawk kollha li jiltaqgħu magħhom.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ l-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, irrispettivament mil-liema lokalità jiġu. Dan għall-kuntrarju tal-Gvern ta’ Muscat, li jgħid li jisma’, iżda li fil-verità ma jagħtix każ il-karbiet ta’ kulmin ikellmu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu b’appell lil dawk preżenti biex jivvutaw lill-Kandidati kollha tal-Partit fiż-żewġ elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju biex iwasslu l-messaġġ tagħhom kontra l-politika ta’ Muscat u favur politika b’risq il-pajjiż kollu, li kapaċi joffri biss il-Partit Nazzjonalista.