Futbol Sport

Manchester United eliminati mill-FA Cup minn Wolves

Wolves għaddew għall-ewwel semifinali tagħhom fl-FA Cup mill-1998 wara li f’Molineux Stadium għelbu lil Manchester United 2-1. Din ir-rebħa kienet it-tieni waħda konsekuttiva għal Ole Gunnar Solskjaer fit-tmexxija temporanja ta’ Manchester United.

It-tim ta’ Nuno Espirito Santo fetaħ l-iskor fil-71 minuta meta Joao Moutinho qassam lejn l-attakkant Raul Jimenez li f’azzjoni persistenti fil-kaxxa għeleb lil Sergio Romero b’xutt fil-baxx bid-dawra.

Wolves irduppjaw ħames minuti wara meta wara li Luke Shaw biegħed il-periklu ħażin, Wolves fetħu kontrattakk b’Diogo Jota jaqbeż lill-istess Shaw qabel avvanza biex għeleb lil Romero b’xutt b’saħħtu fil-baxx fuq l-ewwel lasta.

Manchester United kienu kważi spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers fit-82 minuta meta Victor Lindelof intwera l-karta l-ħamra għal fawl fuq Diogo Jota, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Martin Atkinson bidel il-karta l-ħamra f’safra.

Ir-Red Devils naqqsu d-distakk fl-aħħar azzjoni tal-logħba fil-95 minuta, bi kross ta’ Shaw mix-xellug lejn Marcus Rashford li għamel spazju għalih u għeleb lil John Ruddy b’xutt fil-baxx bid-dawra.

Swansea v Manchester City 2-3

Swansea City, li jinsabu fil-ħmistax il-post fiċ-Championship, għal ftit ma ħolqux l-akbar sorpriża tal-istaġun fil-Liberty Stadium meta fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls kontra ċ-Champions Ingliżi Manchester City u żammewh sa 20 minuta mit-tmiem, iżda spiċċaw tilfu 3-2

Is-Swans fl-ewwel 30 minuta ssorprendew lil kulħadd meta Matt Grimes skorja penalty (20) qabel Bersant Celina (29) irdoppja b’gowl spettakolari fost il-ferħ tal-partitarji fil-Liberty Stadium.

City dehru maħsuda u kien biss fl-aħħar 20 minuta li dawru l-logħba. Dan meta meta Bernardo Silva (69) naqqas l-iżvantaġġ u bil-gowl tad-draw jasal f’ċirkostanzi kontroversjali meta r-referee saffar penalty dubjuż għal City, b’Sergio Aguero jiskorja mill-ħdax-il metru wara li x-xutt ħabat mal-lasta u ma’ dahar il-gowlkiper Nordfeldt, qabel spiċċa ġewwa.

Kien hemm ukoll element ta’ dubju dwar il-gowl tar-rebħa għal City – b’Aguero jidher marġinalment offside meta skorja b’daqqa ta’ ras wara li daħal għal kross preċiż ta’ Bernardo Silva.

Watford v Crystal Palace 2-1

Is-sostitut Andre Gray kien ilu biss żewġ minuti fil-grawnd meta skorja l-gowl importanti li kkonferma lil Watford bħala l-ewwel semifinalista f’din il-kompetizzjoni. Dan wara rebħa diffiċli fuq Crystal Palace ġo Vicarage Road.

Watford meritatament marru fil-vantaġġ minn Etienne Capoue li għeleb lil Guaita b’xutt fil-baxx, man-nofs siegħa logħob. Intant, Palace tjiebu ferm fit-tieni taqsima u ma kinitx sorpriża meta Michy Batshuayi għamilhom 1-1 (62) wara li approfitta mill-iżball ta’ Mariappa.

Iżda l-eroj tal-ġurnata kellu jkun Gray li żewġ minuti wara li daħal jilgħab, sab l-ispazju biex jegħleb għat-tieni darba lil Guaita. Din se tkun is-sitt semifinali għall-Hornets fl-FA Cup.

Tags