Wara r-rebħa kontra Empoli, Roma sofrew l-ewwel telfa taħt it-tmexxija ta’ Claudio Ranieri wara li kienu megħluba 2-1 minn Spal, tliet punti li jiswew mhux ftit għal tim li qed jissielet kontra r-relegazzjoni. MOHAMED FARES poġġa lil Spal minn fuq fit-22 minuta b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ li qabżet lil Robin Olsen.
Roma ġabu d-draw fit-53 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fuq Edin Dzeko. Mill-11-il metru DIEGO PEROTTI ma żbaljax. Spal skorjaw il-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob meta ANDREA PETAGNA twaqqa’ fil-kaxxa minn Juan Jesus, bl-istess plejer ikun preċiż biex skorja minn penalty.
Torino wkoll kienu megħluba minn Bologna iżda 3-2 f’darhom, riżultat ftit mistenni wara s-serje pożittiva li kienu ġejjin minnha. Huma kienu fetħu l-iskor fis-sitt minuta b’xutt ta’ Cristian Ansaldi li kien imxellef minn Erick Pulgar u spiċċa fix-xibka.
Bologna wettqu rimonta u dawru l-iskor meta l-ewwel kien ANDREA POLI li skorja fid-29 minuta biex ħames minuti wara ERICK PULGAR skorja minn penalty. RICCARDO ORSOLINI għamilhom 3-1 f’nofs it-tieni taqsima, b’ARMANDO IZZO jnaqqas id-distakk fid-89 minuta.
Sampdoria komplew jittamaw li jiksbu post fl-Europa League b’rebħa kbira ta’ 5-3 fuq Sassuolo fil-Mapei Stadium. GREGOIRE DEFREL U FABIO QUAGLIARELLA taw vantaġġ doppju lil Sampdoria sas-36 minuta, iżda wara li JEREMIE BOGA naqqas id-distakk żewġ minuti wara, KAROL LINETTY għamilhom 3-1 fid-39 minuta.
DENIS PRAET skorja r-raba’ gowl fis-46 minuta, b’ALFRED DUNCAN inaqqas id-distakk fit-63 minuta. MANOLO GABBIADINI għalaq il-logħba bil-ħames gowl fit-72 minuta, b’KHOUMA BABACAR jagħmel l-iskor finali 5-3 lejn it-tmiem.
Serie A – Ilbieraħ: Cagliari v Fiorentina 2-1,Illum: Sassuolo v Sampdoria 3-5, Spal v Roma 2-1, Torino v Bologna 2-3,Għada: Genoa v Juventus 12.30pm, Atalanta v Chievo 3.00pm, Empoli v Frosinone 3.00pm, Lazio v Parma 3.00pm, Napoli v Udinese 6.00pm, Milan v Inter 8.30pm
//= $special ?>