Sport Waterpolo

Sirens u San Ġiljan se jikkontestaw il-finali tal-Enemed Cup

(Ritratt: Joseph Galea)

San Ġiljan TUM Invest ftit tħabtu biex għelbu lil Sliema Frank Salt 12-5. Spikka għalihom Dino Zammit li skorja seba’ gowls f’logħba li kienet faċli aktar milli mistenni għal Sliema. Il-Ġiljaniżi rebħu kull sessjoni u ftit taw ċans lil Sliema jidħlu fil-logħba.

Dino Zammit skorja doppjetta fl-ewwel sessjoni, u wara li Michael Spiteri Staines naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni, San Ġiljan marru 5-1 minn fuq b’doppjetta ta’ Matthew Zammit u gowl ieħor ta’ Dino Zammit.

It-tim ta’ Marko Orlovic daħal jistrieħ 6-2 minn fuq, liema vantaġġ kiber għal 9-2 bi tliet gowls minn Matthew Zammit, Dino Zammit u Ben Grech, biż-żagħżugħ Benji Cachia jnaqqas id-distakk. Sliema li għadhom mingħajr Jerome Gabarretta, tilfu wkoll lil Mark Meli lejn tmiem it-tielet sessjoni minħabba li tkeċċa mir-referee Ronnie Spiteri minħabba logħob aggressiv.

B’distakk daqshekk kbir, il-partita naqqset mill-intensità tagħha, b’diversi żgħażagħ ikollhom iċ-ċans aktar li jilagħbu. San Ġiljan xorta rebħu s-sessjoni biex temmew il-logħba b’distakk ta’ seba’ gowls.

Sirens Greentube pattew għat-telfa ta’ ġimgħa ilu meta għelbu lil Neptunes Leo Vegas 9-8 biex se jilagħbu l-finali għar-rebħ tal-Enemed Cup. Strumentali għalihom kien il-gowlkiper Nicky Grixti li minbarra li salva diversi tentattivi, salva penalty fl-aħħar sekonda li ta r-rebħa lit-tim tiegħu.

Għal Neptunes dan kien diżappunt wara li spiċċaw l-ewwel fażi fuq quddiem filwaqt li kienu anki fil-vantaġġ tul il-logħba. Jeremy Abela poġġa lil Neptunes minn fuq bl-uniku gowl tal-ewwel sessjoni. Huma saħansitra kienu 5-2 minn fuq fil-bidu tat-tielet sessjoni sakemm bdiet ir-rimonta ta’ Sirens.

Gowls minn Jerome Zerafa Gregory, Isaiah Riolo u Marc Grech ġabu l-iskor indaqs. Riolo tefa’ lil Sirens minn fuq minn penalty wara fawl ta’ Gabriel Pace.

Neptunes kienu kostretti li jiġru wara r-riżultat u fi tliet okkażjonijiet naqqsu d-distakk għal gowl wara li Sirens kienu bnew vantaġġ doppju. Kien għaxar sekondi mit-tmiem li Neptunes rebħu penalty għal fawl ta’ Marc Grech. Iżda mill-penalty kien Grixti li salva l-penalty mogħti minn Niki Lanzon fost il-ferħ tal-plejers ta’ Sirens.

NEPTUNES LEO VEGAS……. 8 SIRENS GREENTUBE……….. 9

(1-0), (3-2), (1-4), (3-3)

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan, G. Pace (2), M. Martellacci, J. Farrugia, J. Muscat (2), S. Busuttil, J. Abela (2), N. Zammit, I. Zammit, V. Ragone, B. Busuttil

Sirens: N. Grixti, J. Ciantar, E. Aquilina, P. Privitera (2), M. Grech (1), G. Farrugia, J. Zerafa Gregory (2), I. Riolo (3), J. Napier (1), L. Falzon, L. Caruana, M. Sciberras, G. Galea Curmi

Referees: Neville Mercieca, Stefan Licari

SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 12 SLIEMA FRANK SALT………….. 5

(2-0), (4-2), (3-1), (3-2)

San Ġiljan: J. Tanti, D. Ciantar, A. Galea, B. Grech (1), K. Dowling, M. Zammit (3), B. Plumpton, C. Farrugia, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (7), T. Micallef, A. Saliba, M. Ortoleva (1)

Sliema: J. Sammut, K. Tanti, N. Saliba (1), J. Sciberras, M. Meli, B. Cachia (1), M. Spiteri Staines (1), J. Saliba, M. Cordina, D. Fenech (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli, Z. Sciberras, G. Sammut, M. Carani

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri