Lokali

Attivita’ politika fl-Imsida

Waqt l-attivita’ politika li saret il-Ħadd fl-Imsida, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech tkellem dwar il-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, ħidma li wasslet biex youtubers Maltin issa se jkunu stmati bħal you tubers barranin kif ukoll semma l-fatt li issa stabilimenti u lukandi Maltin se jkunu protetti bil-liġi meta jirreklamaw fuq platforms internazzjonali.

Francis Zammit Dimech qal li tul dawn l-għaxar ġimgħat ta’ kampanja illi baqa’, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jwassal messaġġ ta’ kuraġġ u enerġija.

Il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca semma l-ħtieġa li biex wieħed jagħmel il-politika, importanti li nħarsu fit-tul. Hu qal li minħabba l-inkompetenza tal-gvern laburista, miri importanti li kellu pajjiżna issa mhux ser jintlaħqu u għalhekk hu importanti li mill-aktar fis pajjiżna jingħata direzzjoni.

Tkellem ukoll Charles Selvaggi, minority leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Imsida li qal li l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ħafna drabi ma kinux ikunu ikkonsultati mill-bqija tal-membri tal-Kunsill dwar deċiżjonijiet li jkunu se jittieħdu.

Hu semma l-bżonn urġenti li jkun hemm skema ta’ parkeġġ residenzjali bil-għan li tittaffa din il-problema fost ir-residenti tal-Imsida. Semma ukoll proposti oħra li Kunsill b’maġġoranza nazzjonalista determinat li jaħdem fuqhom.

Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Robert Arrigo, uffiċjali oħra kif ukoll kandidati għall-elezzjonijiet tal-parlament ewropew u għal kunsilli lokali.