Aktar fizzjali u suldati matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ ‘il-mument’ dwar is-sitwazzjoni mwiegħra li għaddejja minnha l-Armata f’dawn iż-żminijiet meta qed ikomplu jispikkaw il-biża’ fost il-membri u anki n-nuqqas ta’ motivazzjoni.
Membri li qraw ir-rapport dettaljat pubblikat f’‘il-mument’ tliet ġimgħat ilu għamlu l-kuraġġ u huma wkoll ġew jitkellmu magħna biex mhux biss ikkonfermaw dak li nkiteb, iżda żiedu jwasslulna aktar tagħrif importanti li jikkonferma kemm fil-preżent l-Armata għaddejja minn żminijiet ta’ diffikultà.
Ir-rapport pubblikat f’‘il-mument’ ma kellu l-ebda tweġiba min-naħa tal-Armata jew mill-Berġa ta’ Kastilja u dan fih innifsu kompla jikkonferma kif kulma għedna grazzi għall-investigazzjonijiet li għamilha, hu veritier.
Imma min din il-ġimgħa tkellem ma’ ‘il-mument’ fissrilna li l-problema fl-Armata ġejja minn fuq nett fis-sens li hemm nuqqas ta’ fiduċja fil-fizzjali li mbagħad min-naħa tagħhom qed jittrasmettu dan in-nuqqas ta’ fiduċja fis-subordni tagħhom.
Ċerti deċiżjonijiet importanti qed jittieħdu f’uffiċċju wieħed biss f’Ħal Luqa, imbagħad id-deċiżjonijiet ikunu kkomunikati lill-fizzjali biex jattwawhom mingħajr ma ssir l-ebda diskussjoni jew analiżi kif se jkunu attwati, lil min se jolqtu u jekk tali deċiżjonijiet ikunux prattiċi.
Ingħadilna li min imexxi fl-Armata għandu biża’ kbir minn ta’ taħtu u hu sigriet magħruf li fil-preżent prattikament kważi l-fizzjali kollha huma Laburisti, iżda għandhom il-lealtajiet tagħhom u ftit għandhom ammirazzjoni lejn Kastilja jew lejn min imexxi l-Armata.
Dan qed joħloq tensjoni fost il-membri fit-Tmexxija tal-Armata fejn prattikament ħadd ma jafda lil ħadd u fejn ħafna konversazzjonijiet isiru bil-magħluq u bil-moħbi, saħansitra b’messaġġi fuq mezzi tat-telekomunikazzjoni meqjusa ‘safe’.
Hemm fizzjali Laburisti li huma mdejqa bil-mod kif qed ikunu trattati sal-punt li dawn jitkellmu ma’ kollegi subordni tagħhom u ma jiddejqux juru l-frustrazzjoni tas-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha.
Problema oħra minbarra l-biża’ li ħakem lil ħafna membri hi dik tan-nuqqas ta’ fiduċja f’kollegi superjuri jew subordni. “Sirt ma tafx lil min tista’ tafda jew ma’ min tista’ tiftaħ qalbek. Ma tafx min hu lest biex iwaħħalhulek u min hu lest biex jgħinek. Hawn inċertezza kbira u bir-raġun kollu li hawn ħafna tgergir minn tant u nuqqas ta’ motivazzjoni,” qalilna bumbardier.
Hu kompla li waħda mill-problemi li hemm fl-Armata bħalissa hi n-nuqqas ta’ investiment f’oqsma fejn hemm ħtieġa ta’ ppumpjar ta’ flus biex ix-xogħol ikun jista’ jsir aħjar. “Nippreferi nkun ġeneriku għaliex malajr jindunaw li kellimtkom jien. Iżda dak li qed ngħidilkom jien jistgħu jixhdu għalih ħafna mill-membri tal-Armata li litteralment ma għandhomx biex jaħdmu.”
Membru ieħor tal-Armata qalilna li r-rapport tal-ġimgħa l-oħra f’‘il-mument’ mhux biss kien korrett mija fil-mija, iżda ħasad lit-Tmexxija tal-Armata li tiddejjaq li jkun hemm min jitkellem dwarha u dwar dak kollu li jkun għaddej ġewwa fiha.
“Mela jriduna naħdmu b’dedikazzjoni, iżda mbagħad meta niġu għall-promozzjonijiet jgħodd biss jekk intix aħmar jew blu. Jekk tkun aħmar jimbuttawk u tilħaq, jekk tkun ta’ lewn ieħor tista’ tkun tajjeb kemm tkun tajjeb, għaliex iġibu elf skuża biex iwarrbuk,” qalilna dan il-membru.
Hu kompla li, “Mhux bilfors li jkun hemm nuqqas ta’ motivazzjoni u ħeġġa għax-xogħol? Mhux bilfors li jkun hemm min ikollu seba’ mitt sena biex minn suldat imur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?
“Hawn mhux kemm taħdem jgħodd. Iżda jekk intix aħmar. U kemm nies inqabżu għalxejn u ma ngħatawx il-promozzjonijiet li kien ħaqqhom u jistħoqqilhom. Għalhekk il-Brigadier ma għandu l-ebda awtorità hawn għaliex hu flok laħaq bil-ħila tiegħu, sab lil min iqabbżu xejn inqas minn erba’ promozzjonijiet f’daqqa. Jien kburi li nimxi bil-ħila tiegħi u mhux għaliex għandi lil xi bażużlu f’Kastilja.”
Hu kompla jgħidilna li llum il-ġurnata l-Gvern qiegħed jaħsad dak li żera’ fis-sens li bil-ħatra ta’ Jeffrey Curmi bħala Brigadier, illum hawn Armata li għaddejja minn nuqqas ta’ motivazzjoni fid-diversi gradi u stazzjonijiet varji tagħha.
“Aħna nistennew li ssir ġustizzja ma’ kull min bata jew dabbar xi kattiverja għalxejn b’xejn. Hawnhekk għandek tilħaq jekk int tajjeb u jekk int tagħmel is-sagrifiċċji, u mhux jekk intix aħmar u jekk għandekx lil xi bażużlu f’Kastilja.”
//= $special ?>