Lokali

In-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern Laburista qed joħloq vittmi ġodda

L-istorja dejjem uriet li l-Partit Nazzjonalista ġab is-suċċessi fil-pajjiż għax dejjem kellu pjan fit-tul. U dan għal kuntrarju tal-Gvern Laburista li iddikjara bil-fatti li ma jemminx fi pjanijiet fit-tul. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attivita’ politika fl-Imsida fejn semma kif dan in-nuqqas ta’ ippjanar qed joħloq numru ta’ vittmi f’pajjiżna. Adrian Delia semma fost l-oħrajn iż-żgħażagħ li minħabba l-isplużjoni fil-kirjiet, u l-pagi li qed jibqgħu baxxi, m’għandhomx triq oħra ħlief li jitilqu mill-pajjiż. Adrian Delia qal li dan qed iwassal għal tibdil kbir fis-soċjeta’ tagħna.

Adrian Delia semma l-influss qawwi ta’ ħaddiema barranin li qed jaħdmu bil-prekarjat u li qed iwassal biex il-pagi tal-Maltin qed ikunu iffriżati. Issemmiet ukoll il-gender gap pay li qed tissarraf biex għal ċertu xogħol in-nisa, meta mqabbla mal-irġiel, qed jitħallsu ta’ xahrejn anqas.

Dwar in-nuqqas ta’ pjan għall-edukazzjoni, Adrian Delia semma l-fatt li l-iskola primarja tal-Imsida ilha magħluqa għal dawn l-aħħar sentejn; ironikament f’lokalita’ li fiha nsibu l-għola istituzzjonijiet post-sekondarji tal-pajjiż kif ukoll l-Universita’. Dwar dan, Adrian Delia qal li l-PN jemmen fil-potenzjal ta’ din il-lokalita’ li tista’ tkun mibdula f’villaġġ universitarju u studentesk.

Saret referenza ukoll għall-pensjonanti li fejn għall-gvern ta’ Muscat dawn huma kunsidrati bħala problema, għall-Partit Nazzjonalista, l-anzjani huma riżorsa. Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-ambjent, dwar il-biedja kif ukoll dwar Għawdex, tliet setturi oħra li jixhdu l-inkompetenza u l-inkonsistenza ta’ Joseph Muscat. Ninsabu f’sitwazzjoni fejn għal problemi li qed joħloq il-Gvern, qed ikollu jħallas iċ-ċittadin, kompla jgħid Adrian Delia. U hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista irid ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu bil-politika ta’ konvinzjoni b’persważjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qatt ma beża mill-isfidi għax dejjem emmen fis-sewwa u dejjem emmen li għandu jkun ta’ servizz għal pajjiż.