Sport

Ir-rebbieħa tal-kategoriji Sportiv u Sportiva tas-sena fil-21 programm

Illum fuq Net Television mis-6.05pm ‘l quddiem, jixxandar il-21 programm minn din is-sensiela ta’ Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli.

Fl-ewwel parti, l-importanza tingħata lid-59 edizzjoni ta’ Sport Malta Awards – l-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Apparti siltiet mis-serata ta’ premjazzjoni, se jixxandru t-tieni minn serje ta’ intervisti fosthom ir-rebbieħ tal-kategorija Sportiv tas-Sena Brian Galea kif ukoll ir-rebbieħa tal-kategorija Sportiva tas-Sena Eleanor Bezzina.

Fit-tieni parti tal-programm, ħarsa lejn il-kamp ta’ taħriġ fl-għawm sinkronizzat li sar f’dawn il-ġranet minn Synchro Knights. Dan kien immexxi minn Renaud Barral li hu wieħed mill-aqwa parteċipanti rġiel fix-xena internazzjonali fejn hu r-rebbieħ tal-Kampjonat FINA Masters fl-2017 f’Budapest kif ukoll mill-kowċ ta’ Synchro Knights Albertina Onsea.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Joe Sultana u Alfred Spiteri.