Internazzjonali

Is-Slovakkja: Vantaġġ għal Caputova fl-ewwel fażi tal-elezzjoni għall-Presidenza

Il-kandidata li qed tikkuntesta l-elezzjoni għall-Presidenza tas-Slovakkja fuq manifest għal kontra l-korruzzjoni rebħet faċilment l-ewwel rawnd tal-vot. Dan, intant, meta kibret il-possibbiltà li l-pajjiż ikollu l-ewwel mara bħala President, fi żmien ħmistax.

Zuzana Caputova, li hi avukat, rebħet ftit aktar minn 40 fil-mija tal-vot fl-ewwel rawnd waqt li Marcos Sefkovic, tal-Partit Smer-SD fil-Gvern kiseb anqas minn 19 fil-mija tal-appoġġ popolari. 

Filwaqt li l-konkorrenza tal-votanti kienet ftit anqas minn 50 fil-mija, se jkollu jsir rawnd ieħor konklussiv għall-elezzjoni ta’ President ġdid Slovakk, peress li ħadd fost il-kandidati ma kiseb il-maġġoranza assoluta.

Zuzana Caputova, li għandha 45 sena, saret magħrufa fil-kamp politiku waqt il-protesti tal-massa li qamu fil-pajjiż wara li nqatel ġurnalista li kien qed jinvestiga l-korruzzjoni  politika. Hi intant qalet li l-messaġġ li qed tara mill-vot tal-ewwel rawnd hu li ‘l-elettorat fis-Slovakkja qed isemma leħen qawwi favur il-bidla’.

Caputova hi wiċċ pjuttost ġdid f’dan il-qasam meta hi membru tal-Partit Progressiv Slovakk li ma għandu l-ebda rappreżentanti fil-Parlament ta’ Bratislava.

Sadanittant, ir-rivali kbir tagħha, Marcos Sefkovic, iħaddan politika konservattiva minbarra li hu viċi-president tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-aħħar xhur, kienu saru numru ta’ dimostrazzjonijiet kbar kontra l-Gvern minħabba l-omiċidji tal-ġurnalista Jan Kuciak – magħruf għall-ħidma investigattiva tiegħu dwar il-każi tal-korruzzjoni bis-sehem tal-politiċi — u l-għarusa tiegħu, li kienu seħħew fi Frar tas-sena l-oħra.

Dawn il-protesti kienu wasslu għar-riżenja ta’ Robert Fico minn Prim Ministru tas-Slovakkja.