Filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi ċaħad li fl-aħħar jiem kien iltaqa’ mal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u flimkien iddiskutew temi relatati mal-ġlieda għat-tmexxija tal-Partit Laburista, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne ma ddejjaq xejn jistqarr l-verita`, cioe` li ltaqa’ ma’ Konrad Mizzi waqt ikla bejniethom.
Din l-ikla saret fil-jiem li għaddew proprju wara li tħabbar li l-Ministru Konrad Mizzi kien laqqa’ numru ta’ nies qrib tiegħu biex flimkien jibdew jaħdmu fuq il-kandidatura tiegħu għall-post ta’ Joseph Muscat li wiegħed li jitlaq sa l-aħħar tas-sena.
Sorsi infurmati fi ħdan il-Partit Laburista qalu lil il-mument li l-Ministru Konrad Mizzi kellu jiċħad li ltaqa’ ma’ Chris Fearne wara li qala’ ċamata minn Kastilja. Skont is-sorsi fil-Partit Laburista, dan seħħ għaliex Konrad Mizzi “għamel ta’ rasu u ħareġ fil-beraħ kmieni wisq.” “Issa Fearne u Robert Abela se jkollhom ċans jirribattu l-kandidatura ta’ Konrad Mizzi, mentri kieku stenna sa wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju kien jaħsad lil kulħadd,” komplew jgħidulna s-sorsi.
Jirriżulta li l-pjan ta’ Kastilja kien li sal-elezzjonijiet tal-MEPs fil-25 ta’ Mejju, iħallu lil kulħadd jaħseb li Joseph Muscat jippreferi lil Miriam Dalli biex toħodlu postu. Dan sabiex timmassa kemm jista’ jkun voti. Iżda issa li Konrad Mizzi fetaħ ħalqu u se jkun hu l-kandidat ta’ Kastilja biex jieħu post Joseph Muscat, Miriam Dalli qed tissogra li ma ġġibx l-ammont kbir ta’ voti li kellhom f’rashom ta’ Kastilja.
Biex ipatti għall-froġa ta’ Konrad Mizzi, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ fil-pubbliku jgħid li Miriam Dalli kienet l-aħjar MEP tul il-leġiżlatura li waslet biex tintemm. Biex isalva wiċċu minħabba f’Konrad Mizzi, Joseph Muscat rema lil dak li kien il-mentor tiegħu, Alfred Sant. F’temp ta’ ftit ġimgħat, Muscat ta żewġ daqqiet kbar lil Alfred Sant. L-ewwel skartah milli joffrilu l-pożizzjoni ta’ president ta’ Malta u minflok taha lil dak li kien id-Deputat Mexxej ta’ Sant, George Vella, u issa rmieh bid-dikjarazzjoni li mhux Sant kien l-aqwa MEP iżda Miriam Dalli.
Is-sorsi infurmati fil-Partit Laburista ddiskrivew ma’ il-mument il-pandimonju li nqala’ malli ħarġet l-aħbar li Konrad Mizzi kien se jidħol fil-ġlieda għall-post ta’ Joseph Muscat. Tant hu hekk li Konrad Mizzi kellu jiltaqa’ ma’ Miriam Dalli li kienet konfuża xi jridu eżattament ta’ Kastilja li filli jwegħduha li se ssir l-ewwel prim ministru mara u filli jitfaċċa Konrad Mizzi, li hu ferm iżjed qrib ta’ Muscat, biex jokkupa l-istess kariga.
Fil-fatt rapporti oħrajn fil-midja indipendenti jgħidu li Konrad Mizzi ltaqa’ wkoll mal-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli f’dak li sejjaħ eżerċizzju simili għal dak li kellu mal-Viċi Prim Ministru Fearne. Delegati fil-Partit Laburista li jitkellmu regolarment ma’ il-mument fissrulna li s-sitwazzjoni fil-partit mhix waħda sabiħa għaliex din il-ġlieda għall-post ta’ Joseph Muscat diġa` rrankat u bdiet tħalli l-effetti ħżiena fuq il-partit. Fil-fatt, ta’ kuljum, il-Ministri li jridu post Joseph Muscat jissieltu biex ikollhom ritratt fil-faċċata ta’ L-Orizzont, il-ġurnal tal-GWU li tradizzjonalment jinqara minn ħafna Laburisti. Iffaċċjati b’din il-pressjoni, kollegi tagħna fil-medja tal-GWU stqarrew kif ippruvaw jikkuntentawhom kollha billi għamlu faċċata tal-gazzetta fejn fuq naħa kien hemm Chris Fearne, fuq in-naħa l-oħra Konrad Mizzi u f’parti oħra fl-istess faċċata ritratt tal-Ministru Ian Borg. Iżda jidher li ma ġabuhiex żewġ għax l-istess kollegi qalulna li fil-pront irċevew telefonata b’ċamata għaliex ma ġabux lill-Konsulent tal-kabinett u Deputat Laburista Robert Abela.
Jidher li n-nies ta’ Konrad Mizzi diġà bdew jagħmlu arranġamenti urġenti biex il-Ministru jiltaqa’ mad-delegati kollha, inklużi dawk Għawdxin u hu qiegħed jenfasizza mal-core group tiegħu li mhux biss għandu jiltaqa’ personalment ma’ kull delegat, iżda fejn hu possibbli dawn ikunu moqdija minn Kastilja.
Hu fattur ieħor magħruf ukoll li hemm għadd ġmielu ta’ delegati Laburisti li huma mweġġgħin bil-fatt li ta’ Kastilja warrbuhom u mhux jagħtu kashom. Dawn jgħidu li Kastilja hi komda taġevola lil ċerti persuni qrib tagħha u lill-oħrajn li qabel kienu fil-Partit Nazzjonalista, iżda lilhom li dejjem kienu leali u dejjem immilitaw fil-Partit Laburista, ħadithom fiċ-ċert u nsiethom.
Il-ġlieda hi waħda ħarxa sal-punt li anki l-Ewro Parlamentari Miriam Dalli nhar il-Ħadd li għadda meta ġiet intervistata minn Raphael Vassallo tal-Malta Today spiċċat tammetti li se taħdem biex il-ġlieda għall-post ta’ Joseph Muscat ma jkissirx lill-Partit Laburista.
“…my first priority is for the Labour Party to remain united. I have been active in the Labour Party for a long time now. I went through a phase when the Labour Party wasn’t united. I know what the consequences were… I want to carry on working within a party that is not lost in internal divisions,” stqarret Miriam Dalli b’risposta għall-fazzjonijiet diviżivi li reġgħu feġġew fil-Partit Laburista.
Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew li l-kandidatura ta’ Konrad Mizzi biddlet ix-xenarju kollu intern fil-Partit Laburista.
“Waqt li hu evidenti li fin-Nofsinhar Chris Fearne hu popolari ħafna u jgawdi appoġġ kbir fost id-delegati ta’ Kastilja, ħarġu lil Konrad Mizzi biex jikkontesta hu ħalli hekk ikompli jitnaqqar is-sostenn lill-Ministru tas-Saħħa,” qalulna d-delegati Laburisti li tkellmu magħna.
//= $special ?>