Lokali

0.1% biss jużaw rota; il-Gvern ma jagħmel xejn

“Huwa ċar li min kiteb l-istrateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu ma jużax dan it-tip ta’ trasport.”

Kien dan kliem il-President tal-organizzazzjoni taċ-ċiklisti, Michelle Attard Tonna mal-gazzetta ‘The Malta Independent’ dwar l-istrateġija li kienet imnedija minn Transport Malta f’Novembru l-għadda. Hi sostniet li minkejja li huma l-unika organizzazzjoni li jiffukaw fuq dan is-settur…huma ma kienux konsultati dwar is-sigurtà taċ-ċiklisti.

Huwa ċar li l-Gvern mhux qed jagħmel dak kollu li jista’ biex itejjeb is-sitwazzjoni f’Malta, tant illi 0.1% biss qiegħdin jużaw dan it-tip ta’ trasport. Il-mira tal-Gvern hi li din ir-rata ta’ ċiklisti fit-toroq Maltin titla ghal punt tnejn fil-mija.

Il-ġimgħa li għaddiet, numru kbir ta’ studenti, fost oħrajn għamlu mixja biex iwasslu messaġġ lil Gvern sabiex isir xi ħaġa fejn tidħol il-bidla fil-klima, hekk kif l-ammont ta’ karozzi f’pajjiżna, iktar ma jghaddi zmien iktar qed jiżdied b’rata mgħaġla. Kuntrarrju ghal dak li qed jaghmel il-Gvern…f’diversi pajjiżi Ewropew, fosthom Spanja qed jaħsbu fil-ġenerazzjonijiet futuri u qed jaħdmu b’mod serju dwar din il-kwistjoni biex insaqqsu t-tniġġis fl-arja.

Fl-aħħar xahar, il-Ministru tat-Trasport, Ian Borg minflok ħeġġeġ biex iktar Maltin u Għawdxin jużaw ir-rota biex jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, kien qal li Malta qatt ma tista’ tkun bħal pajjiżi u bliet oħra, bhal Amsterdam. Hu kien ta x’jifhem li Malta qatt mhi se titjieb fejn jidħol it-tniġġis fl-arja, il-kultura u l-ġeografija, u jekk se titjieb se tkun qed tagħmel dan b’rata baxxa ħafna.

Michelle Attard Tonna saħqet li minkejja li qed jitwessaw it-toroq, eventwalment din il-problema se terġa’ toħroġ fiż-żmien li ġej hekk kif din is-soluzzjoni mhix se tagħmel ‘mirakli’.

Din l-istess strateġija hija meqjusa minn ħafna li mhix qed tgħati s-sigurtà meħtieġa u mhix qed tħeġġeġ biex iktar sewwieqa jevitaw l-użu tal-karozza privata tagħhom u minflok jużaw rota. Iċ-ċifri uffiċjali juru li fl-aħħar sena kien hemm żieda medja ta’ 78 karozza kuljum f’pajjiżna.