Lokali

David Casa jingħata raġun

L-OLAF jikkonferma li ma hemm ebda provi kontra Casa

L-OLAF ikkonferma li ma hemm ebda provi kontra Casa biex tinfetaħ investigazzjoni.

Fi tweġiba uffiċjali lil Lovin Malta, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) kkonferma li l-allegazzjonijiet li saru kontra l-MEP David Casa kienu bla bażi, u għalhekk, ma hemmx lok għal investigazzjoni.

David Casa kien mhedded b’azzjoni legali mill-FIAU wara li ppubblika rapport li jgħid li l-pulizija għandha tieħu passi kontra Konrad Mizzi. Kien mhedded ukoll mill-avukati ta’ Keith Schembri li jirrappreżentaw lill-Bank Pilatus, kif ukoll saret kampanja ta’ mibegħda kontrih, b’attivisti tal-Partit Laburista jinsistu li għandu jitgħallaq.

“Jidher li meta kollox ifallilhom, daru fuq dawn l-allegazzjonijiet oxxeni f’attentat biex iwaqqfuni minn xogħli. Filwaqt li dejjem għidt li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz, id-dikjarazzjoni tal-OLAF tikkonferma li l-allegazzjonijiet li saru kontrija, saru biss għal raġuni waħda: biex jipprovaw itebbgħu r-reputazzjoni tiegħu u jwaqqfuni milli nkun effettiv fil-Parlament Ewropew fil-ġlieda tiegħi kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus,” qal il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa. “Xogħli hu li niddefendi lill-poplu Malti, u ebda tfigħ ta’ tajn mhu se jwaqqafni milli nkompli b’xogħli,” qal Casa.

Hu qal li qed jistenna li fil-ġimgħat li ġejjin qabel l-elezzjonijiet Ewropej, jintefa’ aktar tajn fil-konfront tiegħu. Casa qal: “Dawn in-nies jagħmlu minn kollox biex ikomplu għaddejjin b’detriment għall-Maltin u l-Għawdxin. Imma ebda theddida, gidba jew allegazzjoni mhi se twaqqafni milli nagħmel xogħli.”