Għat-tmien sena konsekuttiva, 30 student żejnu numru ta’ figolli f’inizzjattiva b’risq il-fondazzjoni Puttinu Cares bil-mira tagħhom tkun li jbigħu iktar minn 1,200 figolla.
Matul il-ġurnata tat-Tnejn, diversi studenti mill-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli nġabru fil-fabbrika ta’ Neriku Caterers fejn żejnu ammont sostanzjali ta’ figolli fiż-żmien fejn iktar ma jmur, iktar resqin lejn il-perijodu tal-Ghid.
Kull tifel u tifla urew is-sodisfazzjon tagħhom li qed jgħinu lil nies fil-bżonn. Wieħed mill-istudenti, Ryan Portelli kellimna dwar numru ta’ attivitajiet oħra li se jkunu qed jagħmlu l-istudenti kollha tal-istess skola, fosthom coffee morning għall-ġenituri u attivitajiet imħejjija mill-Forzi Armata ta’ Malta.
L-istudenti wasslu messaġġ biex iħeġġu lil iktar nies jagħmlu bħalhom u jgħinu lil din il-fondazzjoni li twaqqfet bi skop tassew nobbli.
Fil-11 ta’ April, dawn l-istess studenti se jkunu qiegħdin il-Belt Valletta bejn it-8.30 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ wara nofsinhar sabiex ibigħu l-figolli li għamlu huma stess, bil-qligħ kollu jmur għal Puttinu Cares.
Matul dawn l-aħħar snin, din l-istess skola ġabret madwar €40,000 għal din il-fondazzjoni, b’diversi persuni u għaqdiet, fosthom dolċeriji, li tawhom is-sapport biex ikunu jistgħu jagħmlu dan il-ġest nobbli. Puttinu kull sena tgħin għexieren ta’ tfal u familji, partikolarment dawk li jiġu fil-bżonn kura għall-kanċer fir-Renju Unit. U bħalissa fil-fatt, il-Fondazzjoni Puttinu Cares qed tistinka biex tibni binja ġdida aktar qrib iċ-ċentru ta’ Londra ħalli fiha jkunu jistgħu joqgħodu dawk li jiġu bżonn is-sostenn ta’ Puttinu.
Ritratti: Martin Aguis
//= $special ?>