Futbol Sport

FILMAT: Il-partitarji ta’ Real Betis iċapċpu lil Messi wara t-tielet gowl li skorja kontrihom

Lionel Messi kompla juri l-kwalità tiegħu hekk kif Barcelona pattew għat-telfa li sofrew fl-ewwel rawnd kontra Real Betis biex b’din ir-rebħa fetħu vantaġġ komdu ta’ 10 punti f’ras il-klassifika ta’ La Liga.

L-Arġentin fetaħ l-iskor wara 18-il minuta bi free-kick mill-isbaħ, biex irdoppja l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima minn qagħda ideali wara li rċieva bit-takkuna mingħand Luis Suarez.

Messi għaqqad it-tripletta u għamel l-iskor 4-1 fil-85 minuta meta b’intelliġenza qabeż il-ballun fuq il-gowlkiper avversarju minn tarf il-kaxxa. Dan il-gowl wassal biex il-partitarji ta’ Real Betis qamu u ċapċpu lil Messi.

Din kienet it-33 tripletta fil-karriera għal Messi iżda dawn it-tliet gowls f’logħba jistgħu jitqiesu bħala fost l-aqwa. Barcelona issa għandhom 66 punt minn 28 logħba, b’għaxar punti fuq Atletico Madrid u 12-il punt fuq Real Madrid.