Lokali

“Hemm bżonn li l-poplu jifhem x’inhi l-Kostituzzjoni” – Marie Louise Coleiro Preca

Hemm bżonn li l-poplu jifhem x’inhi l-Kostituzzjoni u jkun parti attiva fit-tibdiliet li hemm bżonn isiru fiha.

Stqarret dan, il-President Marie Louise Coleiro Preca li issa wasslet biex ittemm ir-rwol taghha f’din il-kariga.

Mistiedna fuq Net AM, il-President tkellmet dwar il-bżonn ta’ tibdil fil-Kostituzzjoni Maltija. Hi stqarret li dan huwa mument storiku fejn il-poplu jrid ikun parti integreali mit-tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Il-President tkellmet dwar it-tema kontroversjali tal-istock piling tal-bajd iffriżati fil-proċess tal-IVF. Hi qalet li filwaqt li taqbel kompletament mal-IVF, hi ffirmat il-liġi tal-Gvern iżda għamlet stqarrija dwar l-iffriżar li ġiet moqrija fil-Parlament. Marie Louise Coleiro Preca kienet kritika ta’ din il-liġi.

Il-preżentaturi tal-Breakfast Show staqsew dwar l-iktar mumenti ta’ sodisfazzjon tul it-terminu tagħha bħala President, b’Marie Louise Coleiro Preca wieġbet li l-isbaħ mument kienu dawk fejn tkellmet ma’ tfal u żgħażagħ.

Hi qalet li meta tisma t-tfal jirraġunaw, u tara żgħażagħ li jafu xi jridu għal pajjiżna, timtela’ bil-kuraġġ għall-futur.

Tkellmet ukoll dwar l-aktar mument diffiċli fil-Presidenza fejn semmiet fost l-oħrajn l-inċident tal-Paqpaqli u l-qtil kiesaħ u biered tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsija x’messaġġ għandha għall-politiċi, hi saħqet dwar il-bżonn li kull min jidħol fid-dinja tal-politika jagħmel dan bi spirtu ta’ servizz u li l-politika hija vokazzjoni..

Marie Louise Coleiro Preca qalet li minkejja li t-terminu ta’ Presidenza tagħha ser jintemm fi ftit ġimgħat, hi tixtieq tibqa’ tkun ta’ servizz u se tkompli taħdem kemm fil-Fondazzjoni għall-Ġid Soċjali kif ukoll fil-President’s Trust Foundation.