Il-Gvern mhu qed jaghmel xejn għall-bdiewa. Inħossu li daħku bina. Mhu qed issir l-ebda riforma f’dan il-qasam. Għal kaxxa kaboċċi jew pastard, bidwi ġieli jaqla’ 50ċ.
Bidwi li, b’sagrifiċċju kbir ibakkar kuljum, xemx u xita, biex jaħdem bi tbatija kbira l-għelieqi tiegħu, bis-sogri kollha li jaffaċċja l-prodott, min-nixfa, mill-għargħar, mir-riħ jew mix-xemx tixwi, biex imbagħad jingħata miżerja għall-prodott tiegħu, ma tlumux li jaqta’ qalbu u jitlef il-ħeġġa biex jibqa jaħdem l-art.
Malcolm Borg, bidwi żgħażugħ u kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi tkellem dwar id-diffikultajiet u l-qtigħ il-qalb li qed jesperjenza l-bidwi Malti.
Malcolm Borg tkellem mal-ġurnali The Sunday Times u l-Orizzont fejn qal li fattur li qed jikkontribbwixxi għall-mewt tal-biedja hu l-iżvilupp bla pjan u fiz-zoni kollha.
Hu qal li huwa fatt li meta jiżdied il-bini, tonqos il-biedja, u awtomatikament jonqsu l-bdiewa. B’riżultat ta’ dan, jonqos il-prodott frisk lokali.
Dan il-bidwi tkellem ukoll dwar kif il-biedja mhux tingħata inċentivi biex tiddiversifika u tikber b’modi li taghmilha aktar sostenibbli, u mistoqsi mill-Orizzont dwar in-negozjati mal-Gvern fir-riforma fil-biedja, hu wieġeb li ma hemm l-ebda riforma ppjanata mill-Gvern għal dan il-qasam.
Hu rrefera wkoll għal fattur ieħor li hu n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fil-prezzijiet tal-pitkalija li qed iħalli qligħ fqir wisq għall-bdiewa. Aktar w’aktar meta wieħed iqis ix-xogħol iebes li tinvolvi din il-produzzjoni.
Illum sar diffiċli ssib żgħażagħ li jridu jaħdmu f’dan il-qasam, tant li Borg qed jgħid li sa 15-il sena oħra, il-biedja Maltija se tkun mietet mewta naturali jekk ma titteħidx azzjoni immedjata.
Dwar dan il-qasam tkellem kemm-il darba il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li qal li ilu jisħaq dwar l-importanza ta’ dan is-settur mhux biss għall-pajjiż imma anke għall-bdiewa u l-familji tagħhom.
Il-Gvern Laburista, f’sitt snin ma għamel xejn biex isaħħaħ dan is-settur u saħansitra, fl-aħħar budget, irrefera għalih bħala wieħed li ma jikkontribwixxix għat-tkabbir ekonomiku.
//= $special ?>