Fl-aġġornament tal-Parlament it-Tnejn filgħaxija, id-deputat tal-Oppożizzjoni, Karol Aquilina, tkellem fuq kif l-awtoritajiet tilfu l-kontroll tagħhom fuq il-Festa ta’ San Patrizju, iċċelebrata f’San Ġiljan, minkejja l-isforzi tal-Kunsill Lokali li bir-riżorsi limitati disponibbli tagħhom, flimkien ma’ dawk mill-Għassa ta’ San Ġiljan, iżommu l-bon ordni f’din il-festa spontanja. Dan għad-detriment tar-residenti Ġiljaniżi li spiċċaw priġunieri f’darhom il-Ħadd tul il-ġurnata kollha.
Karol Aquilina għamel referenza għall-kritika ħarxa li kellhom il-Ġiljaniżi billi kellhom jirriżolvu għal fuq il-mezzi soċjali biex jesprimu l-frustrazzjoni għal dak li għaddew minnu l-Ħadd. Ir-referenza telenka għal kif is-sitwazzjoni deterjorat minn sena għall-oħra għall-attività diżastruża f’San Ġiljan, sitwazzjoni differenti ħafna minn dak li jiġri normalment f’kull tmiem il-ġimgħa f’din il-kapitali Maltija tad-divertiment.
Id-deputat Nazzjonalista saħaq li mhuwiex ġust li biex wieħed jiddeverti jew biex jaqla’ ħobżu, iħarbat il-ħajja tar-residenti b’mużika qawwija, tniġġis tal-arja b’influs kbir ta’ karozzi u ħmieġ iġġenerat mill-konsum ta’ alkoħol saħansitra billi wieħed jaqdi l-bżonnijiet tiegħu f’ħwejjeġ ir-residenti. Fost l-oħrajn semma’ l-każ tad-disko li sar fil-Palazz Spinola, binja ta’ żmien il-Kavallier bl-ogħla protezzjoni ta’ Grad 1, meta dan il-Palazz qatt ma jinfetaħ għall-pubbliku.
Hawnhekk Karol Aquilina għamel elenku għal kif ir-residenti f’Paceville saru priġunieri f’darhom għaliex dan l-irħajjel ma baqax wieħed residenzjali iżda sar wieħed ta’ divertiment bla kontroll u żamma ta’ liġijiet.
Filwaqt li radd ħajr lill-Kunsill Lokali, immexxi mis-Sindku Guido Dalli u l-Viċi Sindku Albert Buttiġieġ, tal-ħidma tagħhom biex jittaffew dawn il-problemi, Karol Aquilina appella lill-Gvern sabiex jintervjeni minnufih, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-istess Kunsill, sabiex sitwazzjoni simili għal tal-bieraħ ma terġax tirrepeti f’okkażjonijiet simili futuri biex b’hekk, jinżamm bilanċ bejn id-divertiment b’responsabbiltà, mhux bla rażan, u l-interess tar-residenti Ġiljaniżi.
//= $special ?>