Wara li rriżenja minn Direttur Sportiv ta’ Roma, Monchi kien ippreżentat bħala d-Direttur Sportiv ta’ Sevilla. “Irritornajt għaliex il-proġett li ppreżentali l-President kien aktar konvinċenti minn ta’ klabbs oħra anki aktar prestiġjużi.”
Monchi qal li ma jibdilx is-sentejn li għamel ma’ Roma u saħaq li kieku kellu jerġa’ jiffirma l-kuntratt kien jiffirmah. “Għamilt xi żbalji għaliex ma kontx naf il-klabb imma ma jiddispjaċini xejn li mort ma’ Roma għaliex kbirt professjonalment u personalment.
Hu kompla jgħid li ħalla lit-tim Taljan għal raġuni sempliċi li fehem li l-idea tat-tmexxija tal-klabb kienet differenti minn tiegħu. “Għal President kien aħjar immorru fuq il-lemin u għalija fuq ix-xellug, għalxejn tkompli hekk. “
Monchi kien ingħaqad ma’ Roma f’April ta’ sentejn ilu. Hu kien ilu Direttur Sportiv ma’ Sevilla mis-sena 2000 u jittama li r-ritorn tiegħu mal-klabb ifisser suċċess bħal dak li kellu fl-ewwel esperjenza tiegħu.
//= $special ?>