Internazzjonali

New Zealand se jbiddel il-liġijiet dwar ix-xiri u l-użu tal-armi

Fi żmien għaxart’ijiem mill-massakru fi Christchurch, il-Gvern fi New Zealand se jkun ippreżenta riformi fil-liġijiet li jirregolaw ix-xiri u l-użu tal-armi fil-pajjiż.

Sostniet dan il-PM ta’ New Zealand Jacinda Ardern kmieni dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem laqgħa tal-kabinett. Hi qalet li hemm unanimita’ fost il-membri tal-Gvern biex isiru dawn il-bidliet u d-dettalji se jkunu pubblikati sal-25 ta’ Marzu.

Sadanittant, Brenton Tarrant tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ 50 persuna meta nhar il-Ġimgħa li għadda, fetaħ in-nar fuq żewġ moskei fi Christchurch. Disa’ persuni għadhom rikoverati fl-Isptarijiet f’qagħda kritika.

Il-pulizija qalet li Tarrant uża armi normalment użati mill-qawwiet militari u li kienu modifikati biex ikunu iktar qerrieda.