Sport Sport Ieħor

Thiem jegħleb lil Federer fil-finali u jirbaħ l-ewwel titlu Masters 1000

(Ritratt: EPA)

Dominic Thiem temm it-tamiet ta’ Roger Federer li jirbaħ rekord ta’ sitt titli fl-Indian Wells, meta rkupra biex rebaħ 3-6, 6-3, 7-5. L-Iżvizzeru, rebbieħ 20 darba ta’ Grand Slam, ikkonverta biss żewġ break points minn 11 u għamel 32 unforced error.

Għal Thiem dan kien l-ewwel titlu f’avveniment Masters 1000 u tela’ fir-raba’ post fir-rankings tad-dinja. “Dak li seħħ f’dawn l-għaxart ijiem qisu mhux reali. Kont ġej minn forma ħażina u issa jien ir-rebbieħ tal-Indian Wells.”

Federer li tilef il-finali tas-sena l-oħra kontra Juan Martin del Potro, kellu bidu pożittiv u mar 2-0 minn fuq. Thiem għamel ftit pressjoni fuq l-avversarju iżda backhand tajba ta’ Federer poġġiet lil Federer favorit biex għalaq l-ewwel set f’36 minuta.

L-Iżvizzeru deher komdu fil-logħob tiegħu u ħoloq żewġ break points fit-tieni set iżda tilifhom it-tnejn. Thiem irnexxielu jkisser is-service u żamm il-kalma biex sforza t-tielet set.

Thiem salva break point f’logħba minnhom li damet tmien minuti u għamel l-iskor 4-4. Hu kisser is-service ta’ Federer tliet logħbiet wara biex serva għat-titlu. Thiem għalaq il-logħba meta minn service tiegħu, Federer ħabbat il-ballun max-xibka.