Lokali

Aktar kontejners bħala klassijiet

Ditta tal-kostruzzjoni li ppjanat li tibni “raħal” temporanju biex tospita ħaddiema Torok tinsab f’pożizzjoni biex tibdel uħud mill-kontrejners prefabbrikati biex isiru klassijiet għal skejjel tal-gvern.

Dan ġie żvelat mit-Times hekk kif UNEC Ltd ftit tal-ġimgħat ilu kienet fl-aħbarijiet minħabba l-kaz tal-villaġġ tat-Torok u l-kontejners impoġġijin f’barriera.

Minkejja li l-Gvern qal li se jiftaħ l-iskola l-ġdida tal-Qawra f’Settembru li ġej, xorta nħarġet offerta ġdida biex jinxtraw klassijiet-kontejners ġodda. Is-sorsi tal-Ministeru ddeskrivew il-pass bħala: “Pjan f’każ li l-proġett jittardja għal darb’oħra”.

Fl-istess ħin, il-Ministeru ammetta li l-kontejners għandhom jiġu introdotti fis-Sekondarja taż-Żejtun bħala miżura temporanja sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq estensjoni għall-iskola. Anke f’dan il-każ, ix-xogħol kien karaterrizzat minn dewmien.

Issa jidher illi UNEC Ltd issottomettiet l-offerta taghha f’sejħa maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għal klassijiet mobbli biex fihom isiru lezzjonijiet għall-istudenti f’San Pawl il-Bahar u ż-Żejtun.  Sorsi qalu li l-offerta kienet ta’ anqas minn €300,000, u għażlet li “tbiddel l-interess tagħha u ddur fuq il-Ministeru tal-Edukazzjoni” wara li kellhom iwaqqfu l-pjanijiet tar-“raħal” għat-Torok.

Kien NetNews l-ewwel li żvela li  mijiet ta’ ħaddiema Torok importati f’Malta għal progetti kbar fil-kostruzzjoni kienu se joqgħodu fil-kontejners f’barriera. Madwar xahar ilu iżda l-kumpanija TACA ħabbret li kienet abbandunat il-pjanijiet tagħha biex tibni residenzi temporanji.