Kunsilli Lokali Lokali Parlament Unjoni Ewropea

“Aktar poteri lill-Kunsilli Lokali biex isaħħu l-vuċi tar-residenti” – Ryan Callus

Il-Partit Nazzjonalista, bil-kontra għall-klijenteliżmu mħaddan mill-Partit Laburista, dejjem emmen fit-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali bħala għodda li jservu liċ-ċittadin mingħajr il-ħtieġa li tirrikorri lejn il-Ministru tad-distrett biex tinqeda. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni ressaq tmenin proposta għar-riforma tal-Kunsilli Lokali biex isaħħu idejn il-kunsilli.

Kien dan il-qofol tad-diskors tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Ryan Callus, meta t-Tnejn filgħaxija ħa sehem fid-dibattitu dwar l-Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Huwa appella lill-Gvern biex ixejjen il-politika li qed jaddotta li tneħħi l-poteri eżistenti tal-kunsilli għal għand entitajiet governattivi bil-għan li jkollu ħakma assoluta ta’ dak kollu li jiġri fil-pajjiż. Ryan Callus ġab eżempju bil-fjask fil-LESA, li mhux biss ta daqqa ta’ ħarta lill-Kunsilli Lokali fl-infurzar fil-lokalitajiet, iżda l-problemi li jikkonċernaw lokalità partikolari. m’għadhomx jiġu individwati u indirizzati.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità fakkar kif il-Gvern Nazzjonalista kiseb fondi kbar mill-Unjoni Ewropea permezz tal-aħħar finanzjarju grazzi għan-negozjar għaqli tal-istess Gvern li insista li Malta hija żvantaġġjata ma’ stati membri oħra żgħar fil-qalba tal-kontinent minħabba l-qagħda ġeografika iżolata tagħha fil-periferija tal-kontinent Ewropew. Malta mhix biss fil-periferija tas-suq intern iżda hija gżira li tbati minn insularità doppja. Callus saħaq kif dan għandu jkun il-kejl tal-Gvern Laburista fin-negozjati għall-pakkett finanzjarju li jmiss li minnhom jistgħu ikomplu jgawdu direttament il-kunsilli lokali. Dwar l-allokazzjoni finanzjarja, huwa saħaq fuq il-proposta li parti mid-dħul tal-Gvern mill-VAT għandu jmur għand il-Kunsilli Lokali, kif għandu jiġri fit-totalita tagħhom id-dħul mill-permessi, partikolarment f’żoni miżgħuda b’kostruzzjoni esaġerata, u t-taxxa fuq l-użu tal-art fil-lokalità, u mhux għandi l-Awtorità tal-Artijiet.

Id-deputat Nazzjonalista ċanfar lill-Gvern talli f’din ir-riforma jrid jabolixxi l-Kumitati Amministrattivi meta dawn ġew imwielda minn Gvern Nazzjonalista biex żoni partikolari fil-lokalitajiet jingħataw aktar attenzjoni. Dan huwa vot ta’ sfiduċja tal-Gvern fin-nies ta’ dawn il-lokalitajiet li jifhmu fil-ħtiġijiet taż-żoni li jaħdmu fihom. Għalkemm il-Ministru Ian Borg serva bħala Sindku ta’ Ħad-Dingli għal diversi snin, bħala Ministru tat-Trasport xorta għażel li jreġġa l-arloġġ lura u jneħħi l-poteri tal-kunsilli fuq il-manutenzjoni ta’ toroq eżistenti biex għaddihom lil entità li taqa’ direttament taħtu, meta din ma tifhimx fiċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull raħal u belt.

Il-Kunsill Lokali għandu jservi ta’ msieħeb maċ-ċittadin fil-lokalitajiet, anki fl-aspetti soċjali, saħaq Ryan Callus, b’aktar fondi governattivi disponibbli li jindirizzaw it-tkabbir tad-distakk u l-fqir u bl-intervent ta’ kumitat fi ħdan il-kunsilli lokali li jiġbor fih rappreżentanti ta’ gruppi lokali li jgħinu fil-ħidma soċjali fil-komunità, bħall-Kummissjoni Djakonija fi ħdan il-parroċċi. B’hekk il-Kunsilli jistgħu jgħinu lis-soċjetajiet li jaħdmu fihom, partikolarment ma’ dawk bla saqaf fuq rashom, dawk f’riskju ta’ faqar u dawk nieqsa mill-ħila li jmexxu l-familja, permezz ta’ korsijiet għall-komunità b’baġit apposta allokat mill-Gvern. Ryan Callus fakkar ukoll fil-proposta soċjali tal-PN taċ-ċentri matul il-jum u x-xelters tul il-lejl għall-anzjani li jservu ta’ wens u saħansitra t-tieni dar għall-anzjani f’solitudni. Appella lill-Gvern sabiex bl-involviment tal-Kunsilli Lokali jindirizza ukoll l-ikel ikkunsmat f’dawn iċ-ċentri ħalli tiġi miġġielda l-obeżità biex l-anzjani jgħixu aktar.