Ġie fi tmiemu l-ġuri fil-konfront ta’ Edward Cardona, li kien qed jaffaċċja żewġ kapi t’akkuża fosthom ta’ traffikar u pussess aggravat ta’ kważi kilogramma kokaina.
Cardona, ta’ 36 sena, kien ġie arrestat fl-2013 flimkien ma’ mara barranija li kienet fil-pussess ta’ diversi kapsoli waqt li kienet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Skont l-akkuża, il-mara kienet tqabbdet iġġorr id-droga biex tbiegħhom lil Cardona. Magħhom kien hemm akkużat ukoll in-Niġerjan Ola Rotimi Akins, akkużat li kien il-persuna li għadda d-droga lill-mara, iżda li kien ħarab minn Malta wara li tressaq il-Qorti.
Ix-xhieda ewlenija, il-mara li nqabdet fil-pussess tad-droga, l-ewwel kienet semmiet lil Cardona wara li, waqt l-investigazzjoni, il-Pulizija wrewha xi ritratti, iżda naqset milli tirrikonoxxieh mill-ġdid waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman.
Fil-ġuri imbagħad, il-mara mill-ġdid irrikonoxxiet lill-akkużat. Hi xehdet li f’Lulju tal-2013 ġiet f’Malta mgħobbija b’kilogramma droga kokaina moħbija f’diversi partijiet ta’ ġisimha.
Matul il-ġuri, id-difiża kkritikat lill-Prosekuzzjoni, b’akkużi lill-Pulizija li urew lix-xhieda ritratt tal-akkużat qabel qalulha biex tagħżlu minn fost sett ta’ sitta.
Għad-difiża, dan il-fatt ikkundizzjonat lix-xhieda u kkontamina l-proċess kollu ta’ identifikazzjoni tal-akkużat, bil-konsegwenza li dan seta’ jwassal għal tħassir tal-ġustizzja. Dan apparti li d-difiża nnutat diversi inkonsistenzi fix-xhieda. Fid-dawl ta’ dan saret talba biex il-Qorti tiddikjara l-proċess kollu ta’ identifikazzjoni bħala proċedura inadegwata u vvizzjata.
Għaldaqstant, fl-ewwel Kap ta’ akkuża – li Cardona assoċja ruħu ma’ persuna jew persuni oħrajn sabiex jibda jbiegħ jew jittraffika d-droga kokaina fil-gżejjer Maltin huwa ma nstabx ħati b’seba’ voti favur utnejn kontra.
Fit-tieni kap ta’ akkuża – jiġifieri jekk l-akkużat xtarax id-droga msemmija kif ukoll madwar 20 gramma oħra kokaina mingħand ix-xhud – Cardona ma nstabx ħati b’disa’ voti favurih.
Il-ġuri, li ħa iktar minn ġimgħa u kważi ħames sigħat ta’ deliberazzjoni, kien qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Giovanni Griscti.
Cardona kellu lill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia bħala l-avukati tiegħu. Hu kien qed jirriskja sentenza ta’ għomor il-ħabs.
//= $special ?>