Lokali

FILMAT: Jipprova jqabbad ħanut f’Birżebbuġa wara li pprova jisraq mill-Fgura

Raġel liebes hoodie li aktarx hu l-istess wieħed li fl-aħħar jiem wettaq diversi attentati ta’ serq minn ħwienet u residenzi fil-Fgura, inqabad f’kameras tas-sigurtà waqt li pprova jqabbad ħanut f’Birżebbuġa.

Il-każ seħħ ftit qabel is-sagħtejn ta’ dalgħodu, meta fil-ħemda tal-lejl ir-raġel mar fil-post u ferrex likwidu minn landa li kellu miegħu.

Fortunatament, għalkemm saret xi ħsara fuq in-naħa ta’ barra tal-ħanut, in-nar ma nfirixx fuq ġewwa u b’hekk ġiet evitata traġedja.

Dan hekk kif il-ħanut, li jinsab fi Triq il-Mandolina, fil-Qajjenza, hu wieħed tad-deterġenti u allura l-konsegwenzi setgħu kienu ferm agħar. Ta’ min jirrimarka li l-ħanut jinsab fi blokka li fiha sitt familji.

Fortunatament in-nar kien kontrollat u dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija.

Fost l-oħrajn il-Pulizija qed jaraw jekk hemmx relazzjoni bejn dan il-każ u diversi episodji li seħħew fl-aħħar jiem fil-Fgura fejn raġel liebes hoodie simili pprova jidħol f’residenzi u ħwienet varji.