Lokali

Iċċelebrata l-Festa ta’ San Ġużepp

Ir-Rabat fi spirtu ta' festa

F’ġurnata tipikament tar-Rebbiegħa, fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-Festa ta’ San Ġużepp.

Il-jum beda b’quddiesa solenni ta’ Jum il-festa f’xandira diretta fuq Net Television u  li għaliha kienu preżenti l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, deputati miż-żewġ naħat tal-kamra u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi…li mexxa l-konċelebrazzjoni.

Il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu fir-Rabat immexxija mill-Kapitlu tal-Katidral tal-Mdina kienet imżejna għall-okkażjoni.

Waqt l-Omelija li saret minn Patri Michael Camilleri huwa tkellem fuq il-ħajja ta’ San Ġużepp; Ġuzeppi li dawwal il-knisja mqaddsa bid-dawl ta’ ħajtu. Għex ħajja sempliċi u umli, f’silenzju u f’sagrifiċju b’turija ta’ mħabba għal Kristu l-Feddej. Ġuzeppi li bħal martu Marija għamel il-mixja tal-fidi. B’umiltà kbira aċċetta l-pjan ta’ Alla. Permezz ta’ ħajtu huwa wera li r-relazzjoni tiegħu mal-iben ta’ Alla kienet waħda ta’ responsabbiltà kbira fejn ħa ħsiebu sal-aħħar mumenti.

Fi tmiem din il-quddiesa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-okkażjoni li jiltaqa mar-Rabtin u diversi nies oħra li kienu qed jiċċelebraw din il-festa. Iktar tard Adrian Delia kien mistieden għar-riċeviment tradizzjoni li jsir ta’ kull sena nhar il-festa fil-Każin tal-Għaqda  L’Isle Adam fir-Rabat stess, kif ukoll għamel żjara fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-istess lokalità.

Fit-toroq tar-Rabat, ma naqsux ukoll in-noti tal-marċi tradizzjonali.

Il-festa ta’ San Ġużep lahqet il-qofol tagħha llejla fejn bħal kull sena ssir il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp. Minn għada, il-Knisja ddedikata lil San Ġużepp tbiddel kompletament l-atmosfera festiva u tipprepara ruħha għat-tifkira ta’ Jum il-Ġimgħa l-Kbira li din is-sena se tkun iċċelebrata fid-19 ta’ April.