Lokali

Id-Dwana tagħmel qabda ta’ 288kg kokaina b’valur ta’ €32.4 miljun

Ħidma mill-uffiċjali tad-Dwana fil-Port Ħieles (Freeport), wasslet għal waħda mill-ikbar qabdiet ta’ droga l-istorja ta’ pajjiżna.

Dan hekk kif, maqsuma f’erba’ kontejners, l-uffiċjali skoprew 288kg kokaina b’valur ta’ €32.4 miljun.

L-investigazzjoni bdiet iktar kmieni matul il-ġurnata meta 12-il kontejners tqiesu bħala ta’ riskju minħabba r-rotta li kienu se jieħdu. Uffiċjalment il-kontejners kellhom iġorru frott minn pajjiż fl-Amerka t’Isfel lejn pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Kien hawn li tfittxija fil-Customs Scanning Facility wasslet għal sejba ta’ numru ta’ pakketti f’ompartament li jintuża biex il-kontejners jinżammu f’temperatura kiesħa. Kunsinna oħra nstabet moħbija wara pannelli f’kompartamenti fuq ġewwa.

Fi stqarrija, id-Dwana ddikjarat li nstabu 240 pakkett għal total ta’ 288 kilogramma droga b’valur ta’ €32.4 miljun.

Il-każ issa għadda għand il-Pulizija mill-Iskwadra kontra d-Droga li qed jinvestigaw, bil-Maġistrat tal-Għassa li mexxa inkjesta u qed ikun assistit mill-Pulizija tal-Forensika.