Lokali

Il-PN iressaq emendi biex il-proċess tal-għadd tal-voti jkun trasparenti, ġust u ħieles

“Il-PN ppreżenta numru ta’ emendi għall-emendi mressqa mill-Gvern biex jemenda l-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali (Kap. 354) u l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) biex jiġi assigurat li l-proċess tal-għadd tal-voti jkun trasparenti, ġust u ħieles minn manuvri li setgħu jtellfu l-fiduċja fil-proċess.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ta dettalji dwar l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni biex jiġi emendat l-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali kif ukoll dak tal-Kunsilli Lokali.

Clyde Puli qal li l-PN kien induna li s-sistema kif kienet proposta oriġinarjament setgħet tiġi mbgħabsa mingħajr ħadd ma jkun li l-voti setgħu jiġu mmarkati b’tali mod li l-votant seta’ jibgħat messaġġ kif ivvota għal skop ta’ corrupt practice. Huwa spjega li permezz tal-emendi tagħha l-Oppożizzjoni se tkun qed titlob li kull vot jiġi l-ewwel skrutinizzat manwalment qabel elettronikament, biex jiġi assigurat li ebda vot ma jkun immarkat b’tali mod li jkun identifikabbli. Huwa qal li dan qed isir wara li fit-testijiet li saru fuq is-sistema tal-għadd elettroniku ġie identifikat li ċertu marki ma jinqabdux mis-sistema u għaldaqstant is-sistema kienet qed tgħodd b’validi voti li fil-fatt kienu invalidi. Clyde Puli spjega li permezz ta’ hekk jiġi evitat ukoll li xi ħadd jista’ jitlob lil xi ħadd biex jidentifika l-vot tiegħu permezz ta’ marki li jkunu identifikabbli imma li ma jinqabdux bis-sistema.

L-Oppożizzjoni qed tagħmilha ċara ukoll li ġaladarba jiġi introdott dan il-proċess ta’ skrutinju m’għandhiex tibqa’ l-emenda proposta fl-abbozz ippreżentat mill-Gvern li l-partiti jingħataw kopja tal-poloz tal-voti validi kif ukoll tad-data għal żmien 3 xhur wara li jintemm l-għadd tal-voti. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta emenda biex din il-possibilità titneħħa mil-liġi. Barra minn hekk l-Oppożiżżjoni se tkun qed tressaq emenda biex jekk xi ħadd jinqabad jagħmel kopji tal-immaġini tal-poloz tal-voti jew tad-data li l-partiti kollha se jkollhom aċċess għaliha fis-sala tal-għadd tal-voti biss il-multa togħla għal €10,000 minn €1,000 kif propost u tiżdied ukoll il-possibilità ta’ 12-il xahar ħabs.

Clyde Puli qal li dan kollu kien possibbli bil-ħidma tal-uffiċċju elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ELCOM li l-ewwel identifika n-nuqqasijiet fis-sistema tal-għadd tal-voti elettroniku u wara ħareġ bi proposti biex tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għal kulħadd.

L-Oppożizzjoni awgurat li l-Gvern jilqa’ l-emendi tagħha li jwasslu biex il-proċess tal-għadd elettroniku jkun aktar trasparenti, ġust u ħieles minn manuvri li jistgħu jtellfu l-fiduċja fil-proċess. L-Oppożizzjoni lesta tikkopera biex dawn l-emendi jgħaddu mill-Parlament bi qbil u fl-inqas zmien possibbli. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kienu preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u d-Direttur tal-ELCOM Angelito Sciberras.