Sport

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Ġappuniż mhux se jerġa’ jikkontesta wara allegazzjoni ta’ korruzzjoni

Il-President tal-Kumitat Olimpiku tal-Ġappun mhux se jerġa’ jikkontesta fi tmiem it-terminu tiegħu wara allegazzjonijiet b’rabta mal-mod kif Tokyo ngħatat id-dritt li torganizza l-Olimpjadi li jmiss. It-terminu tiegħu jiskadi f’Ġunju li ġej.

Tsunekazu Takeda qed ikun investigat mill-prosekuturi Franċiżi, bl-allegazzjoni hi li Takeda nxtara għal somma ta’ €2 miljuni biex jassigura li Tokyo tkun il-belt magħżula. Il-kapitali Ġappuniża ngħatat it-titlu fl-2013 wara li għelbet l-isfida ta’ Madrid u Istanbul.

Takeda hu uffiċjal veteran fl-Olimpjadi fejn saħansitra kien ikkompeta fl-edizzjonijiet tal-1972 u l-1976. Hu ilu President tal-Kumitat Olimpiku tal-Ġappun mill-2001.

L-investigaturi Franċiżi qed iħarsu lejn ħlas li sar lil waħda mill-kumpaniji li għandha rabta mat-tifel tal-eks kap tad-dinja tal-atletika Lamine Diak, li meta l-Olimpjadi ngħataw lil Tokyo kien membru tal-Kumitati Olimpiku Internazzjonali.

Ibnu Papa Massata Diack ukoll qed jiffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li hu qed jiċħad. Fl-2016, Bord tal-Kumitat Olimpiku tal-Ġappun kien naddaf lill-uffiċjali responsabbli mill-offerta Ġappuniża fejn qalu li l-ħlas li sar kien leġittimu għal servizzi ta’ konsulenza.

 “Ma nemminx li għamilt xi ħaġa llegali. Inweġġa’ li ħloqt daqshekk paniku imma nemmen li r-responsabbiltà tiegħi hi li nservi lill-kumplament tat-tim,” qal Takeda fi stqarrija hekk kif ikkonferma li mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għal President.

Il-gvern Ġappuniż dejjem insista li t-tentattiv taghħom li jorganizzaw l-Olimpjadi kien nadif.