Lokali

AĠĠORNATA: Inċident fil-Marsa; anzjan fil-periklu tal-mewt

Ritratt: Roberto Runza

Sadanittant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Anzjan ta’ 76 sena u passiġġiera li kien hemm miegħu fl-istess vettura, mara ta’ 74 sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu nvoluti f’inċident fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa.

L-ewwel indikazzjonijiet juru li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Mercedes Benz bil-konsegwenza li seħħ impatt mal-barrikati tat-triq, għalkemm s’issa mhux magħruf x’wassal għal dan. Huma ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei fejn instab li s-sewwieq sofra ġrieħi serji waqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief.

Għal xi ħin l-anzjani, it-tnejn residenti Birkirkara, spiċċaw maqbuda fil-vettura tagħhom tant li kien hemm bżonn l-intervent tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex setgħu jinħarġu.

Mill-ewwel informazzjoni deher li fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tat-08:00 tat-Tlieta filgħodu, kien hemm involuti wkoll mutur u rota, għalkemm iktar tard irriżulta li s-sewwieq tal-mutur u ċ-ċiklist ma ntlaqtux iżda kienu minn tal-ewwel li waqfu jagħtu l-assistenza.

Dwar dan il-każ inetħet inkjesta mill-Maġistrat Francesco Depasquale.