Sport Sport Ieħor

L-ewwel rebħa għal Lincoln Lawyer fil-Premier

(Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Kenneth Vella

It-tnax-il laqgħa tal-istaġun li saret ilbieraħ wara nofsinhar fil-korsa tal-Marsa, festa pubblika, kienet tikkonsisti minn disa’ tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott.

Minn dawn spikkat l-aktar tiġrija tal-ogħla klassi Premier fuq distanza qasira ta’ 2140m u li ntrebħet mill-Amerikan Lincoln Lawyer. Barra dan, il-laqgħa nkludiet ukoll ħames heats li taw il-bidu għall-kampjonat Krafft għal żwiemel tal-klassi Silver ukoll fuq distanza qasira.

Fl-uniku tiġrija tal-aqwa klassi, kienet Navaj Brodda (Charles Camilleri) li wara l-bidu uffiċjali fetħet vantaġġ żgħir minn Lincoln Lawyer (Caillin Borg) u Pave The Way (Clint Vassallo).

Madankollu hekk kif l-ewwel żwiemel daru għad-dritta finali, Navaj Brodda bdiet tnaqqas mill-ġiri u dlonk inqabżet minn Lincoln Lawyer li ħa l-ewwel rebħa f’pajjiżna minn Pave The Way u Navaj Brodda. Ugo Des Jacquots (Mario Fenech) temm fir-raba’ pożizzjoni. Ir-rebbieħ kellu medja ta’ 1.14” fil-kilometru.

Mill-heats Silver, għoxrin żiemel għaddew għall-kwarti finali. Fl-ewwel waħda, Ami Toon’s (Dylan Gatt) ħa t-tieni rebħa f’pajjiżna wara li żied il-pass fl-aħħar metri u qasam il-linja finali l-ewwel b’distakk ta’ sitt tulijiet minn Enzo Nova (Tony Demanuele). Violette Du Mas (Rodney Gatt) ukoll ħadet l-ewwel rebħa fi xtutna fit-tieni heat. Dan wara li qabżet lil Big Ben (Charles Camilleri) propju fuq il-linja finali.

Debba oħra, l-Iżvediża, Emotion Boshoeve (Charles Camilleri) irreġistrat t-tieni rebħa konsekuttiva fit-tielet heat wara li fid-dritta finali ġabet fix-xejn lid-debuttant Franċiż Attrape Moi Aldo (Rodney Gatt) li kien għal ħafna ħin quddiem.

Fil-heat ta’ wara kien hemm dwell eċċitanti fid-dritta finali bejn Look Twice (Kerstin Galea) u Laddy Laday ta’ Mario Farrugia. Kien iż-żiemel ta’ Farrugia li ħa t-tieni rebħa fi xtutna.

Fil-ħames u l-aħħar heat li saret ilbieraħ mill-kampjonat Krafft kien Ludvic Ghigo l-ħin kollu quddiem permezz ta’ Neptunus Face li wkoll ħa l-ewwel rebħa tiegħu għal din is-sena. Issa dan il-kampjonat jitkompla b’ħames heats oħra l-Ħadd li gej.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 2140m. 1. David Greenwood (T. Curmi) Ħin – 2.46.2” (1.17.7”) 2. Quickspin (A. Debono) 3. Caballo Du Valbrio (R. Gatt) 4. Chahuteur (K. Saliba)

II Tiġrija Heat Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Ami Toon’s (D. Gatt) Ħin – 2.40.1” (1.14.8”) 2. Enzo Nova (T. Demanuele) 3. Veaulnes (N. Baldacchino) 4. Boko Won (S. Cassar)

III Tiġrija Heat Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Violette Du Mas (R. Gatt) Ħin – 2.43” (1.16.1”) 2. Big Ben (C. Camilleri) 3. Vendredi Soir (J. C. Pace) 4. Theo Des Landiers (M. Mifsud)

IV Tiġrija Heat Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Emotion Boshoeve (C. Camilleri) Ħin – 2.42.3” (1.15.8”) 2. Attrape Moi Aldo (R. Gatt) 3. Blueberry De Couet (W. Spiteri) 4. Ariana Trojborg (N. Baldacchino)

V Tiġrija Heat Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Laddy Laday (M. Farrugia) Ħin – 2.42.3” (1.15.8”) 2. Look Twice (K. Galea) 3. Staro Hey Joe (D. Baldacchino) 4. Bonheur Du Fosse (N. Baldacchino)

VI Tiġrija Heat Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Neptunus Face (L. Ghigo) Ħin – 2.43.4” (1.16.3”) 2. Andromeda Du Nord (Ch. Grech) 3. Embrace’EM (R. Gatt) 4. Made Ave Maria (C. Refalo)

VII Tiġrija Klassi Premier. Dist – 2140m. 1. Lincoln Lawyer (C. Borg) Ħin – 2.39” (1.14”) 2. Pave The Way (C. Vassallo) 3. Navaj Brodda (C. Camilleri) 4. Ugo Des Jacquots (M. Fenech)

VIII Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 2140m. 1. Devil Somolli (J. Gafà) Ħin – 2.46.1” (1.17.6”) 2. Ujipey Morvan (C. Seychell) 3. Tiger Breed (A. C. Zahra) 4. Oxygen Bi (I. Galea)

IX Tiġrija Klassi Gold. Dist – 2140m. 1. Ida Glitter (K. Axisa) Ħin – 2.40.5” (1.15”) 2. U. Two Swing (S. Cassar) 3. Jim Sanna (N. Baldacchino) 4. Voici De Lahaye (M. Cauchi)