L-irkant tal-ħamiem tat-tlielaq li sar matul il-ġurnata tat-Tlieta mill-Malta Racing Pigeon Federation mistenni jwassal għal ġabra rekord b’risq Puttinu Cares.
Dan l-irkant illum-il ġurnata sar avveniment fiss fil-kalendarju tad-dilettanti tal-ħamiem u sena wara l-oħra din l-attività qed issir dejjem iktar popolari … fl-2016 inġabret is-somma ta’ €11,000, li telgħet għal kważi €15,000 fl-2017.
Għal din is-sena, kien hemm 340 ħamiema għall-irkant, f’attività li issa qed tattira wkoll xerrejja minn barra minn pajjiżna.
Ta’ kull sena d-delizzju tat-tlielaq tal-ħamiem qed isir dejjem iktar popolari, tant li l-Federazzjoni llum-il ġurnata tgħodd xejn inqas minn 900 membru Malti. Il-Federazzjoni hi wkoll rikonoxxuta internazzjonalment.
Delizzju li iktar minn qatt qabel qed isir b’mod professjonali, tant li kull dilettant mhux biss jonfoq spiża maġġuri biex jissalvagwardja s-saħħa tal-ħamiem imma wkoll hemm bżonn iċċekkjar regolari minn vets professjonali biex ikun żgurat li dawn qed jitħarsu bl-aħjar mod possibbli u li huma f’saħħithom.
//= $special ?>