Futbol Sport

PSG jirbħu battalja legali kontra l-UEFA

Paris Saint-Germain rebħu battalja legali kontra l-UEFA wara li l-ogħla assoċjazzjoni Ewropea tal-futbol pruvat terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni tagħha fl-infiq tal-klabb Franċiż fit-trasferimenti u salarji.

Il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport magħruf bħala l-CAS qal li laqa’ t-talba tal-appell taċ-champions Franċiżi fuq bażi li l-UEFA damet wisq biex tħares lejn id-deċiżjoni tagħha stess biex tnaddaf isem PSG li kisru r-regoli tal-Financial Fair Play.

Dan il-ġudizzju hu separat mill-investigazzjoni li għadha għaddejja mill-UEFA dwar il-finanzi ta’ PSG fl-istaġun 2017/2018. F’dak l-istaġun huma kienu akkwistaw il-firma ta’ Neymar għas-somma rekord ta’ €222 miljun mingħand Barcelona kif ukoll lil Kylian Mbappe mingħand Monaco.

F’Ġunju tas-sena l-oħra, il-Kamra Investigattiva li tikkontrolla l-finanzi tal-klabbs tal-UEFA ma kinitx sabet ħatja lil PSG li kisru r-regoli tad-dħul u ħruġ indaqs, iżda xahar wara, iċ-chairman ta’ din il-Kamra ordna biex id-deċiżjoni terġa’ tiġi riveduta.

F’Settembru kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-każ għandu jkun referut lejn il-Kamra Investigattiva għal aktar attenzjoni. PSG appellaw biex din id-deċiżjoni tkun iddikjarata nulla mill-CAS.

Il-klabb argumenta li l-UEFA falliet id-data tal-għeluq tar-regoli tal-Kamra Investigattiva li tikkontrolla l-finanzi tal-klabbs tal-UEFA li tippermetti perjodu ta’ għaxart ijiem biex issir kull investigazzjoni u titlesta f’dan iż-żmien.

Tags