Kunsilli Lokali Lokali Parlament

“Riforma li se tieħu aktar milli tagħti poteri lill-Kunsilli Lokali”

Robert Cutajar jelabora dwar il-proposti tal-PN għar-riforma tal-Kunsilli fil-Parlament

It-tmenin proposta tal-Partit Nazzjonalista b’riżq ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tal-white paper, jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Maltin fl-irħula u jagħmlu differenza għall-aħjar f’ħajjithom. Qal dan il-Whip u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, il-Komunitajiet u Fondi Ewropej, Robert Cutajar, fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija waqt il-kontinwazzjoni tat-Tieni Qari ta’ Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni ħa lill-Partit Nazzjonalista għand is-Sindki u l-kunsilliera miż-żewġ kampi politiċi flimkien mal-esperti fis-suġġett biex il-PN sawwar il-fehma tiegħu permezz tad-dokument, b’uħud mill-proposti ġew riflessi fir-riforma nnifisha. Hawnhekk Robert Cutajar sellem lis-Sindki, Kunsilliera u l-istaff kollu li kellhom il-Kunsilli Lokali f’dawn il-25 sena ta’ storja tal-ġid li ħallew fil-komunitajiet.

Iżda Robert Cutajar qal li l-Gvern Laburista intenzjonalment għażel li jiskarta jew jipposponi bosta proposti fattibbli tal-Partit Nazzjonalista bil-konsegwenza li r-riforma mhux se tagħti aktar poteri lill-kunsilli lokali. Mill-kliem il-Gvern irid jgħaddi għall-fatti biex flok estensjoni ta’ customer care tal-Gvern, il-Kunsilli jkunu ta’ servizz għaċ-ċittadin u jagħmlu d-differenza meħtieġa fil-komunitajiet.

Hawnhekk semma l-mod kif il-Gvern arroganti kif il-Gvern, flok żied il-poteri u l-finanzjament tal-Kunsilli Lokali, qed ineħħi l-poteri mingħand il-Kunsilli u xorta jixħet it-tort fuq il-kunsilli lokali meta dawn huma bla poteri. Fost dawn hemm ir-responsabbiltà tat-tindif u l-ħolqien ta’ Infrastructure Malta, maħluqa mill-Gvern sabiex tiddetta hi x’toroq isiru, mill-Mellieħa sa Marsaxlokk, mingħajr konsultazzjoni suret in-nies mal-Kunsilli Lokali, in-negozji u l-istess residenti ta’ dawn it-toroq bil-konsegwenza li jikber l-inkonvenjent għalihom. Il-Whip tal-Oppożizzjoni lmenta ukoll dwar l-ingaġġ tal-ħaddiema f’din l-istess entità tal-Gvern li qed issir abbażi tat-twemmin politiku.

Robert Cutajar saħaq fuq l-importanza tal-aspett soċjali fir-riforma tal-Kunsilli Lokali, prijorità għall-PN fost it-80 proposta, bil-proponiment ta’ studju fuq l-impatt soċjali mir-reġjuni sabiex bir-ritratt tas-soċjetà meħud, il-kunsilli lokali jfasslu aħjar ħidmiethom. Huwa appella lill-Gvern sabiex jerġa’ jdaħħal il-proġett pilota tal-uffiċċju tas-sigurtà soċjali f’kull lokalità f’Malta u Għawdex li kien suċċess taħt Gvern Nazzjonalista. L-istil ta’ ħajja sana hija ukoll prijorità fil-qasam soċjali għall-PN f’ħidmet il-kunsilli, saħaq Robert Cutajar, billi jixprunaw lill-komunità għal din l-istil ta’ ħajja b’laqgħat, korsijiet u attivitajiet fiżiċi biex il-kuxjenza sportiva tinfiltra fl-irħula, bħall-introduzzjoni ta’ bosta open air gyms taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq emendi ukoll biex il-Gvern jintroduċi ċ-ċentri ta’ matul il-jum u x-xelters tul il-lejl b’kull belt u raħal fil-gżejjer Maltin.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-kunsilli lokali sostna dwar kif il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu parteċipi bi sħiħ fis-sigurtà fl-irħula iżda dan mhuwiex iseħħ hekk kif huwa infurmat li l-laqgħat li l-Pulizija huma obbligati jagħmlu fix-xahar mal-kunsilli mhijiex issir. Cutajar qal li l-kunċett ta’ community policy huwa imperattiv biex iż-żieda drastika ta’ problemi ta’ serq u kriminalità f’Malta tonqos, kunċett li l-Gvern għall-ewwel skarta u issa jidher li qed jisma’ l-karba tal-Oppożizzjoni f’isem il-poplu kollu. Huwa obbligu ukoll tal-Gvern li jiggarantixxi li jħares id-dritt taċ-ċittadin li jkollu Għassa tal-Pulizija miftuħa disponibbli għalihom f’kull belt u raħal, xi ħaġa evidenti li l-amministrazzjoni tal-Korp mhix iżżomm minkejja x-xogħol qalbieni tal-membri tal-istess Korp tal-Pulizija.

L-Oppożizzjoni tesiġi trasparenza assoluta fl-aġenzija tal-infurzar, il-LESA, li l-Gvern qajla semma fir-riforma, partikolarment fil-kuntratti mogħtija, l-ingaġġ tal-ħaddiema u l-pagi mogħtija. Robert Cutajar semma kif ‘il fuq minn €70,000 inħarġu minn flus il-poplu miċ-ċitazzjonijiet f’konsulenzi f’din l-aġenzija meta mhux il-gwardjani kollha qed jiġu ttratati b’mod dinjituż, partikularment fil-pagi. It-trasparenza trid tifrex ukoll fl-għażla tal-Kap Eżekuttiv u l-assistent tiegħu u mhux jintgħażel xi ħadd minn qabel kif fil-fatt se jseħħ. Hawnhekk fisser il-falliment tal-LESA fl-infurzar fil-lokalitajiet, bil-ħażin jeħel mat-tajjeb, meta din qabel kienet fil-kompetenza tar-reġjuni eletti mill-kunsilli u mhux minn persuna maħtura mill-Gvern. L-istazzjoni nazzjonali tal-istat qed ikun kompliċi mal-Gvern biex jiskura b’mod intenzjonali l-ħidma u l-kredibiltà ta’ kunsilli lokali partikolari, bħal fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar, meta t-tindif u l-infurzar huwa fir-responsabbiltà ta’ aġenziji tal-Gvern. Il-kameras tas-sigurtà għandhom jgħidu biex jiġi miġġieled il-vandaliżmu u t-tfiegħ ta’ skart b’mod irresponsabbli.

Rigward l-ambjent, Robert Cutajar tenna li l-Oppożizzjoni mhux se tkun kompliċi mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar deċiżjonijiet oxxeni kontra l-ambjent fil-lokalità, meta din l-Awtorità tiġi taqa’ u tqum mill-pariri tal-Kunsilli Lokali dwar karatteristiċi partikolari fl-irħula. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Kunsilli Lokali jiġu kkonsultati realment dwar dan għaliex huwa evidenti li l-vot tal-kunsilli konċernati fil-bord tal-Awtorità mhuwiex biżżejjed. Huwa fakkar kif il-kunsilli lokali m’għandhomx biżżejjed riżorsi umani biex ilaħħqu mal-moniteraġġ tal-permessi, il-paperwork kif ukoll l-applikazzjonijiet ta’ fondi Ewropej ukoll.

Robert Cutajar qal kif il-PN wera bl-eżempju kif irid ikompli jinvolvi ż-żgħażagħ fil-ħidma tiegħu billi emenda l-istatut tiegħu biex inkluda żgħażagħ minn erbatax-il sena ‘l fuq mal-mejda tad-deċiżjonijiet. Dan bil-kontra ta’ għemil il-Gvern li ħassar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali minn wara dahar il-poplu wara li kien daħħal il-vot 16 mal-Oppożizzjoni. Dan se jiġri ukoll fir-reġjuni hekk kif irid iħassar il-mandat tal-5 reġjuni li jtul sal-2021 biex idaħħal elezzjonijiet prematuri din is-sena f’sitt reġjuni. U hekk ġara ukoll b’rabta mal-Kumitati Amministrattivi li ġew meqruda mill-Gvern qabel il-pubblikazzjoni tal-white paper bir-riforma tal-kunsilli meta ħafna minnhom kienu qed jiffunzjonaw tajjeb. Dan għaliex il-Gvern ħares l-interessi partiġġjani tiegħu billi qered dawn il-kumitati, b’sempliċiment avviż legali mingħajr konsultazzjoni, biex jevita disfatta fl-elezzjonijiet li jmiss b’nuqqas ta’ ingaġġ kandidati prospettivi. Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern intenzjonalment ma għenx lill-kumitati amministrattivi li kellhom problemi, bħal fil-każ ta’ Burmarrad, sabiex jerġgħu fuq saqajhom. Għalhekk, huwa tenna l-impenn tal-Oppożizzjoni li tressaq l-emendi meħtieġa fir-riforma biex jissaħħu l-poteri tal-istess kumitati.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali temm jawgura li dan l-abbozz jifhem il-ħtiġijiet tan-nies u huwa l-obbligu tal-Parlament Malti li jsaħħaħ idejn il-Kunsilli. B’hekk biss il-partiti jistgħu jattiraw l-aħjar nies bħala kandidati u biex il-poplu Malti jista’ joħroġ bi ħġaru jivvota għall-kunsilliera lokali tal-għażla tagħhom.