Sport Waterpolo

San Ġiljan jegħlbu l-isfida ta’ Sirens u jerġgħu jirbħu l-Enemed Cup

Is-sena l-oħra kienu Sliema u din id-darba kienu Sirens Greentube iżda d-destin kien l-istess. Għat-tieni sena konsekuttiva, San Ġiljan TUM Invest huma r-rebbieħa tal-Enemed Cup wara rebħa missielta ta’ 8-5.

San Ġiljan avvanzaw għall-finali wara li għelbu lil Sliema filwaqt li Sirens kienu għelbu lil Neptunes. Sirens kienu determinati li jirbħu din il-logħba biex iġibu suċċess lura lill-klabb li ilu nieqes mhux ħażin. Finalment kienet l-esperjenza tal-plejers ta’ San Ġiljan li huma mdorrija aktar jilagħbu f’dawn it-tip ta’ logħbiet.

Wara li l-ewwel sessjoni kienet bilanċjata, Sirens irnexxielhom imorru 3-1 minn fuq b’gowl mill-viċin ta’ Edward Aquilina u xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ Isaiah Riolo. Kienu gowls minn Dino u Matthew Zammit sa tmiem it-tieni sessjoni li reġgħu poġġew lil San Ġiljan fil-logħba.

Fit-tielet sessjoni San Ġiljan marru fil-vantaġġ b’Paul Fava u Matthew Zammit minn penalty iwieġbu għal penalty ta’ Edward Aquilina aktar qabel. L-istess Aquilina tkeċċa lejn nofs it-tielet sessjoni minħabba xi rimarki li għadda.

F’din is-sessjoni spikka l-gowlkiper ta’ Sirens Nicky Grixti li salva darbtejn fl-istess azzjoni xutt wiċċ imb wiċċ ma’ Ben Plumpton. Wara li tkeċċa Aquilina, hu salva l-penalty ta’ Dino Zammit filwaqt li lejn tmiem it-tielet sessjoni salva tajjeb xutt potenti ta’ Matthew Zammit.

Il-gowl tal-captain Ġiljaniż fil-bidu tal-aħħar sessjoni poġġa lil Sirens f’sitwazzjoni li kellhom jiġru għar-riżultat. Luke Caruana ħalla lit-tim ta’ Sasko Popovski jittama iżda l-gowl ta’ Ben Plumpton madwar żewġ minuti mit-tmiem qatel it-tamiet tal-avversarji. Matthew Zammit issiġilla r-rebħa fl-aħħar sekondi.

Fi tmiem il-partita, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran assistit mill-Viċi President Karl Galea ppreżenta t-trofew lil Matthew Zammit.

Fil-logħba l-oħra, Neptunes Leo Vegas kisbu t-tielet post b’rebħa meritata fuq Sliema Frank Salt. Determinanti għalihom kienet il-wirja tagħhom fit-tieni sessjoni hekk kif mhux biss irnexxielhom imorru minn fuq iżda bnew vantaġġ komdu li qatt ma tilfuh.

Sliema kienu fil-vantaġġ tliet darbiet fl-ewwel sessjoni iżda fit-tieni sessjoni Neptunes skorjaw darbtejn fi ftit ħin biex marru minn fuq 4-3. L-ewwel kien Nikolai Zammit li skorja b’xutt b’saħħtu bix-xellug għar-rokna, biex Jake Muscat ikkonkluda azzjoni mill-isbaħ ta’ man-up.

Benji Cachia ġab id-draw iżda Neptunes wieġbu b’erba’ gowls konsekuttivi. Sliema dehru li setgħu jidħlu fil-logħba b’gowls minn Mark Meli u Nicholas Bugelli lejn tmiem it-tieni sessjoni.

Madankollu Neptunes reġgħu kisbu l-vantaġġ ta’ erba’ gowls u wara li Mark Meli naqqas id-distakk parzjalment, Jeremy Abela u Nikolai Zammit reġgħu skorjaw biex għalqu l-logħba. It-tim immexxi minn Nenad Navarin kompla jikkontrolla fl-aħħar sessjoni għal rebħa komda.

NEPTUNES LEO VEGAS…… 14 SLIEMA FRANK SALT…………. 8

(2-3), (6-3), (4-1), (2-1)

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan (1), G. Pace, M. Martellacci, J. Farrugia, J, Muscat (3), S. Busuttil, J. Abela (6), N. Zammit (4), A. Fenech, V. Ragone, B. Busuttil

Sliema: J. Sammut, K. Tanti, N. Saliba (1), J. Sciberras, M. Meli (4), B. Cachia (2), M. Spiteri Staines, G. Blundell, M. Cordina, D. Fenech, Z. Mizzi, N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Mario Dalli, Stefan Licari

SIRENS GREENTUBE……………. 5 SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 8

(1-1), (2-2), (1-2), (1-3)

Sirens: N. Grixti, J. Ciantar, E. Aquilina (2), P. Privitera, M. Grech, G. Farrugia, J. Zerafa Gregory, I. Riolo (1), J. Napier, L. Falzon, L. Caruana (1), M. Sciberras (1), G. Galea Curmi

San Ġiljan: J. Tanti, D. Ciantar, A. Galea, B. Grech, K. Dowling, M. Zammit (4), B. Plumpton (2), C. Farrugia, T. Said, Da. Zammit, P. Fava (1), Di. Zammit (1), T. Micallef

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri