Lokali

Tittella’ t-38 edizzjoni tal-esebizzjoni minn IPMS Malta

Għat-38 darba l-IPMS organizzat il-wirja tagħha b’madwar ħames mitt mudell u saħansitra l-parteċipazzjoni ta’ grupp ta’ esebituri mill-Italja.

L-esebizzjoni offriet varjetà ta’ mudelli, fosthom karozzi, muturi, karozzi tat-tlielaq, trakkijiet, ajruplani, u figuri.

Fost l-iktar mudelli impressjonanti, dak ta’ Louis Carabott li bena l-USS Nimitz b’sentejn u nofs xogħol biex fost oħrajn żiedlu 90 ajruplan u mat-300 figura fuq il-mudell oriġinali.

Wieħed seta’ jammira wkoll sensiela ta’ bastimenti u xwieni b’ammont kbir ta’ dettall biex iqarrbu kemm jista’ jkun ir-realtà.

Din l-għaqda, ilha għall-aħħar snin tikkompeti wkoll barra minn xtutna b’diversi unuri miksuba mill-membri tagħha, inkluż tliet edizzjonijiet infila fejn il-membri kisbu l-unur tal-aqwa esebituri fl-Ingilterra.

Uħud mill-membri saħansitra ngħataw l-opportunità li jkunu parti mill-ġurija f’esebizzjonijiet barra minn xtutna.