Lokali

Alfred Sant jibża’ minn “theżżiża” fil-Labour jekk jitlaq Muscat

Joseph Muscat m’għandux iwarrab għalissa minn Prim Ministru u Mexxej Laburista għax dan iwassal għal theżżiża fil-Partit.

Hekk qal l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, illum Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, meta ddedika l-artiklu tiegħu f’The Malta Independent għal dak li mistenni jseħħ ftit tax-xhur oħra fil-Partit Laburista.

Il-kumment ta’ Sant, xahrejn qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Mejju, wasal wara li Muscat iddikjara li l-aqwa MEP li għandu l-Partit Laburista hi Miriam Dalli. Dan minkejja li Muscat kien il-magħżul mill-magna Laburista meta Sant warrab minn Mexxej wara t-telfa elettorali tal-2008. U min-naħa l-oħra, Miriam Dalli tidher li se tkun il-magħżula ta’ Muscat u sħabu f’Kastilja biex tieħodlu postu fit-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit.

Alfred Sant widdeb li kwalunkwe ġlieda għal tmexxija ġdida dejjem twassal għal argumenti jaħarqu fil-Partit … u dan irrelevanti jekk il-Partit ikunx fil-Gvern jew le. Min-naħa l-oħra, ipprova jberred is-sitwazzjoni meta pprova jserraħ ras kulħadd li kollox jgħaddi u li proċess bħal dan ma jħallix feriti li ma jitfejqux.

U Sant jaf x’jiġifieri … għax il-proċess fil-Partit Laburista li wassal biex hu jirbaħ il-ġlieda kontra l-eks Ministru Laburista Lino Spiteri kien imtappan b’allegazzjonijiet ta’ tbagħbis ta’ voti. U dan m’għamilhiex faċli għal Sant biex imexxi l-Partit, meta kellu nofs il-partitarji jiddubitaw minn dawn l-allegazzjonijiet serji.

Anke meta Sant ċeda s-siġġu wara li l-Partit Nazzjonalista reġa’ rebaħ l-elezzjoni tal-2008, il-ġlieda għal-Leadership kienet ħalliet feriti ħorox għal xi żmien bejn dawk li kienu qed jappoġġjaw lil Muscat u dawk li kienu mar-rivali tiegħu George Abela.