Futbol Sport

Draw bejn il-Ġermanja u s-Serbja f’partita ta’ ħbiberija

(Ritratt: EPA)

Il-Ġermanja b’xi uċuħ ġodda taħt it-tmexxija ta’ Joachim Löw kienet miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra s-Serbja, logħba li ntlagħbet fil-Volkswagen Arena.

Is-Serbja fetħet l-iskor fit-12-il minuta meta minn korner mil-lemin, il-ballun spiċċa għand LUKA JOVIC li kien żmarkat fil-kaxxa ż-żgħira u għeleb lil Manuel Neuer b’daqqa ta’ ras.

Għalkemm issugrat mhux ftit li ssofri t-tieni gowl, il-Ġermanja żiedet il-pressjoni fit-tieni taqsima. It-tim ta’ Joachim Löw ġab id-draw fid-69 minuta meta minn żball difensiv, is-sostitut Marco Reus irċieva ballun vertikali u kkrossja mix-xellug lejn LEON GORETZKA li evita difensur u b’xutt minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa, għeleb lil Marko Dmitrovic.

Wales kisbet rebħa lejn it-tmiem ta’ 1-0 fuq it-Trinidad u Tobago. Il-gowl rebbieħ wasal fit-92 minuta bi kross mil-lemin ta’ Will Vaulks isib fuq it-tieni last liż-żagħżugħ Ben Woodburn li b’sidru skorja mill-qrib.

Partiti ta’ ħbiberija:Oman v Afganistan 5-0, Malasja v Singapore 0-1, Iraq v Sirja 1-0, Ġermanja v Serbja 1-1, Wales v Trinidad u Tobago 1-0