Lokali Qorti

Fid-dar ta’ Jordan Azzopardi sabu bullets, ċwievet ta’ karozzi, ħaxixa u bosta armi fi gwardarobba

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, ftit tal-ħin ilu bdiet il-kumpilazzjoni taż-żagħżugħ Jordan Azzopardi li jinsab akkużat b’diversi reati serji wara li l-Pulizija arrestawh il-ġimgħa li għaddiet.

Azzopardi daħal fl-awla liebes suit ta’ lewn kaħlan, fost sigurta’ massima.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca xehed kif il-Pulizija ilhom żmien twil isegwu lil Azzopardi; l-isem marbut ma’ diversi raids ta’ droga li kellna f’dawn l-aħħar xhur fosthom f’Birkirkara, Ħal Balzan, il-Marsa, il-Gżira u Tal-Pietà. Dawn ir-raids kixfu operazzjoni sħiħa li kienet għaddejja, bl-akkużi jindikaw li Jordan Azzopardi kien iħaddem miegħu ammont konsiderevoli ta’ nies f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar ta’ droga.

Fil-Qorti issemma kif fil-villa li kien jikri l-Pulizija sabu bullets, ċwievet ta’ diversi karozzi, laptops, kannabis u bosta armi tan-nar fil-gwardarobba tal-kamra tas-sodda.

Meta l-Pulizija marru biex jarrestawh fit-13 ta’ Marzu, hu prova jaħrab.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-29 ta’ Marzu.

Dettalji ta’ dak li ħareġ mill-Qorti

Numru ta’ persuni li kienu arrestati wara diversi rejds tal-Pulizija f’diversi lokalitajiet u saħansitra persuna li tinsab il-ħabs bagħtet għall-Pulizija biex tagħti l-informazzjoni lill-Pulizija dwar l-attivita’ ta’ Jordan Azzopardi fuq kif kien imexxi d-droga. Każ minnhom, dak li jinsab il-ħabs qal lill-Pulizija li Azzopardi ta’ 29 sena sa anke ried ibiegħlu sub-machine gun. Ħareġ ukoll fil-Qorti li lill-ħaddiema tiegħu, jiġifieru dawk li kienu jbiegħu d-droga għalih u anke xi “users” tad-droga ma tantx kienu stmati miegħu fejn l-atteġġament tiegħu magħhom ma kienx mill-ħelwin u kien juża’ l-vjolenza magħhom.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Mark Anthony Mercieca li nvestiga l-każ meta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi u omm ta’ ħames t’itfal minn Bormla. Huwa qal li l-Pulizija ilha ssegwi lil Jordan Azzopardi minn Ottubru li għadda fil-fatt l-ewwel rejd li sar mill-Pulizija kien fid-29 ta’ Ottubru li għadda. Azzopardi oriġinarjament mill-Iklin qed jiġi mixli b’akkużi ta’ traffikar u pusses ta’ droga, ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u armi. Huwa tressaq nhar il-Ġimgħa għaddiet. Waqt il-kumpilazzjoni Jordan Azzopardi kien fuq in-naħa tal-lemin tal-iżbarra, kalm u jsegwi dak kollu li kien qed jingħad u fuq il-ġemb l-ieħor kien hemm il-mara ta’ ħames t’itfal li isimiha ma jistax jixxandar biex jiġu protetti l-istess tfal.

L-Ispettur Mercieca qal li l-Pulizija kellha nformazzjoni li Camilleri kellu aċċess għal postijiet li minnhom kien jopera minnhom biex tinbiegħ minn postijiet bħal Gżira, Pieta’, Birkirkara, Marsa u Balzan. Hemm minbarra f’Ħal-Balzan instabu oġġetti relatati mad-droga. Ix-xhud elabora ħafna fuq kif Azzopardi kien jitratta lill-ħaddiema tiegħu fejn qal li saħansitra kellu xi jgħid ma’ wieħed minnhom, li llum qiegħed il-ħabs u li Azzopardi, allegatament ipprova jagħtih b’sikkina.

Ix-xhud qal li kien ftit ġimgħat ilu kien ikkuntattjat minn priġunier u rrilaxxa stqarrija kontra Jordan Azzopardi. Dan qallu li Azzopardi għandu diversi postijiet fosthom f’Birkirkara, il-Marsa u l-Pieta’. Qal li huwa kien talab lil Jordan Azzopardi biex ibegħlu xi armi tan-nar fosthom machine gun AK47 u snieter tal-kaċċa. Dan il-priġunier semma’ kif Jordan Azzopardi kien vjolenti fil-konfront tal-ħaddiema tiegħu u tal-users tad-droga.

Ix-xhud qal lil-postijiet fejn kien qed isir it-traffikar tad-droga kienu armati sew bil-barrikadi, tankijiet tal-aċtu u CCTV’s u dan kollu biex il-Pulizija ma jirnexxielhiex tinterċetta dak kollu li kien qed isir. Qal li kien qed isir “shadowing” mal-akkużat fejn dan kien qed juża’ karozza Skoda, u li ġieli kien idur fil-ħwienet ġewwa Tas-Sliema, iħallas b’noti ta’100 ewro foloz. Fil-fatt qal li Spettur Mario Abdilla mill-Belt, ta’ 66 sena, kien ammetta li darba minnhom kien ma’ Jordan Azzopardi fuq wara tal-karozza fejn quddiem ma’ Azzopardi kien hemm il-mara akkużata u marru Tas-Sliema, fejn marru għand 10 ħwienet u hemm Abdilla kien joħroġ jixtri xi affarijiet żgħar u jħallas b’mitt ewro u li minnha kien jieħu għaxar euro hu l-bqija kienet teħodhom l-akkużata.

Ix-xhud iddeskrieva kif kien arrestat Azzopardi, l-mara u Abdilla. Qal li l-mara li għandha 30 sena kienet arrestata f’residenza il-Madliena, f’Busietta Gardens, filwaqt li Azzopardi ipprova jaħrab meta dawn inqabdu fejn il-MacDonalds tal-Għargħur, iżda hu nqabad ftit wara fl-istess inħawi. Minn naħa tagħha l-akkużata irnexxielha taħrab b’karozza Pegeout bil-Pulizija jsegwuha u rawha fil-Madliena. Hi kellha ċ-ċavetta tal-post fuqha u kienet hi li fetħet il-bieb fejn hemm fid-diversi kmamar instabu oġġetti relatati mad-droga, fosthom laptops tal-marka Apple, droga, flus u miżien.

L-Ispettur Mercieca spjega fid-dettal kif fit-13 ta’ Marzu, il-Pulizija arrestaw lil Jordan Azzopardi fuq mandat ta’ arrest maħruġ mill-Qorti fuq suspett serju li qed jittraffika d-droga. Dakinhar li ħareġ il-mandat, il-pulizija bdew sorvejlanza fuq Jordan Azzopardi, fejn fl-istess ħin daħlet informazzjoni li kien qed jixtri affarijiet bi flus foloz.

Għalhekk huwa bagħat pulizija biex isegwuh u sabu li kien fl-akwati ta’ Tas-Sliema, b’karozza Skoda sewda bil-pjanċi JMS-511. Miegħu kien hemm passiġġier femminili u fuq wara persuna oħra maskili. Fil-karozza tiegħu nstabu żewġ mobiles u joints. L-Ispettur ta’ rendikont ta’ xi nstab fil-post tal-Wardija: Qal li fil-kċina nstab foil maħruq u kalzetta sewda bi kliem Jordan irrakmat fuqha. F’”open area” nstabu diversi “crushers” b’sustanzi suspettati droga, kif ukoll cards tal-mobile;

F’kamra tal-banju, taħt is-sink kien hemm kxaxen mimlija dokumenti u 36 balla u ċwievet ta’ diversi vetturi. Sadanittant kif il-pulizija kienu deħlin f’kamra oħra Jordan Azzopardi informa lill-pulizija li fil-gwardarobba kien hemm arma tan-nar.

Il-pulizija sabet arma semi-awtomatika kkargata. Instabu ħames laptops u tliet iphones. Dawn kienu ġodda u ssiġġilati. Instabu wkoll żewġ passaporti fuq isem Jordan Azzopardi li kienu attivati. Fit-tieni sular, il-pulizija daħlu fil-kamra tal-banju u fiha nstabu 2 kuċċarini b’sustanza bajda. Instab miżien diġitali u fl-art kien hemm burner u ħames fliexken bl-ammonja u boroz mimlija muniti. Fit-tieni sular ukoll, f’kamra tas-sodda, kien hemm ċilindru tal-gass u komodina li fuqha kien hemm platt bl-ammonja u traċċi b’sustanza bajda.

Instabu wkoll diversi kuċċarini u passaturi b’sustanza bajda. Instabu diversi boroż tal-plastik ġodda u 2 miżien diġitali u kontejners tal-foil b’sustanza. Instabet kaxxa ta’ pistola vojta imma fiha kien hemm tliet balal. Fuq Azzopardi instabet ċavetta ta’post tal-Liberat fil-Wardija. Il-Pulizija marru miegħu f’din il-post limiti ta’ San Martin u hemm ukoll sabu diversi oġġetti relatati mad-droga fosthom kannabis buds, ċwievet ta’ żewġ karozzi oħra u ammont ta’ flus. It-tfittxija tal-Pulizija eskalat ukoll għal garaxx ta’ ħabib tiegħu li hemm fejn il-post ta’ San Martin. Hemm instabu wkoll diversi oġġetti fosthom lap-tops u ħwejjeġ relatati mad-droga.

Ix-xhud qal li qabel ma aret it-tfittxija f’San Martin, Azzopardi talab li jitkellem ma’ avukat, dak inhar l-akkużat kien involut f’inċident meta kien waqa’ t-taraġ meta kien arrestat u mill-ewwel ittieħed li sptar permezz ta’ ambullanza għal trattament. Għall-imputati qed jidhru l-avukati Alfred Abela u Arthur Azzopardi filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Shaun Friggieri. Il-kumpilazzjoni tkompli fid-29 ta’ Marzu li ġej.