Lokali

FILMAT: Il-Pulizija Taljana b’qabda kbira ta’ fjuwil tal-kuntrabandu li ‘kien ġej lejn Malta’

Il-Pulizija fl-Italja rnexxielha tkisser ċirku kbir ta’ traffikar tal-fjuwil li uffiċjalment kien immarkat li qed jitqassam f’Malta u l-Bulgarija.

Minkejja dan, bħala parti mill-investigazzjoni ‘Calderone’, jirriżulta li fil-verità l-fjuwil ma kienx qed jinġieb f’pajjiżna. Dan hekk kif jidher li l-prodotti tal-fjuwil li kienu qed jitilqu mill-pajjiżi Balkani, fil-verità kienu qed jibqgħu fl-Italja u jinbiegħu bil-moħbi lil diversi pompi tal-petrol fl-Italja biex ikun evitat il-ħlas tat-taxxa.

Jirriżulta li biex dan iċ-ċirku ta’ traffikar tal-fjuwil seta’ jirnexxi, kien hemm bżonn ukoll il-kompliċità ta’ kumpanija rreġistrata f’pajjiżna u oħra fil-Bulgarija. Dan għaliex kien ikun dikjarat li se jirċievu l-fjuwil minkejja li dan qatt ma jseħħ.

Bħala parti mill-istess investigazzjoni, il-Pulizija fl-Italja wettqet sekwestru għal total ta’ €8.6 miljun kif ukoll post fejn kien jiġi depożitat il-fjuwil. Kien sekwestrat ukoll 297,590 litru ta’ fjuwil ġej mill-Belġju u li b’kollox kien se jwassal għal evażjoni tat-taxxa għal total ta’ €183,732.