Sport Sport Ieħor

Il-kickboxer ta’ Team Noel Samuele Andolina fl-azzjoni s-Sibt li ġej f’Ruma

Il-Ġimgħa li ġej, l-atleta professjonali Samuele Andolina minn Ying Yang – Team Noel se jkun l-Italja biex jieħu sehem f’serata tal-arti marzjali bl-isem ta’ Enfusion li se ssir is-Sibt f’Ruma.

Mal-wasla tiegħu, Andolina mistenni jibqa’ sejjer jintiżen biex ikun konfermat il-piż ta’ 55kg li hu dak permessibbli fil-kategorija tiegħu. Andolina għandu l-esperjenza vasta fejn proprju kkompeta 30 darba f’livell għoli, b’rekord personali ta’ 25 rebħa.

Hu se jkun qed jissielet mat-Taljan Emanuele Tetti f’isem PKT Professional Kickboxing Club. Din il-ġlieda se tinqasam fuq tliet rawnds ta’ tliet minuti fid-dixxiplina K1 Pro Rules. Dan l-avveniment mistenni jibda fid-9.00pm, b’dik ta’ Andolina se tkun qed tiftaħ is-serata.