Lokali Parlament

Il-Kunsilli Lokali għandhom bżonn ir-riżorsi

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fit-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali, għandhom bżonn ir-riżorsi biex jaħdmu, bżonn li jiġu mgħejjuna u mhux li jitnaqqrulhom id-drittijiet.

Id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li l-Kunsilli Lokali taw esperjenza lil ħafna, wħud anke Sindki, li llum qegħdin iservu bħala Membri Parlamentari. Huwa ħeġġeġ ukoll lil dawk li għadhom qed jaħsbuha biex jikkontestaw, jekk wieħed jaħdem u jagħti l-mija fil-mija kienet esperjenza mill-aqwa. Qal li jista’ jsostnieh hu li kien Sindku ta’ San Ġiljan, anke jekk għal ftit taż-żmien.

Meta kien qed jitkellem dwar l-Abbozz dwar il-Kunsilli Lokali huwa qal li l-Kunsilli Lokali huma għodda li tista’ tagħmel id-differenza. Meta wieħed jitkellem fuq riforma fl-anniversarju, wieħed għandu jsaħħaħ xi ħaġa li kienet esperjenza sabiħa u li dawn għamlu l-pajjiż aħjar.

Forsi wieħed ma jaqbilx, imma ħafna mill-poteri li kienu f’idejn il-Ministri, kien hemm min kellu viżjoni li ċertu deċiżjonijiet importanti, li nies li jgħixu fil-lokalitajiet kapaċi li jieħdu l-aħjar deċiżjoni. U hekk kien ġara.

Sfortunatament flok għandha Gvern li jrid isaħħaħ il-Kunsilli Lokali, jinsab għaddej minn proċess li jnaqqas il-poteri tagħhom. Jista’ jkun hawn Kunsilli mhux tajbin daqs oħrajn, imma wieħed ma jistax jiġġeneralizza, anzi zgur li kieku tajnihom aktar poteri, dawn kienu jagħmlu xogħolhom sew.

Tkellem dwar forom ta’ żvilupp, il-Gvern kellu jmur għand il-Kunsill Lokali u dan jiddiskutiha mar-residenti u wara għandu jiddeċiedi hu. Fil-lokalitajiet tagħna kienet tiġri qabel din. Konna ġibna lill-Kunsilli b’mod u manjera li l-żviluppatur joqgħod għad-deċiżjoni għaqlija tal-Kunsilli. Illum le, llum il-Kunsilli Lokali jridu jokrobu lil media biex iwasslu l-vuċi tagħhom.

Meta jkun hemm xi ristorant irid jieħu xi estensjoni ta’ bankina, llum ma jistgħux jiddeċiedu u qegħdin hawn dejjem jirrikorru lejn il-media. Kellna drabi llum li l-Kunsilli lanqas ikunu jafu li se jsir xi proġett f’xi nħawi partikolari. Din turi l-konsultazzjoni għandna mhux ineħħuha, imma nżiduha.

L-istess għamilna meta Gvern iddeċieda li l-enforcement tneħħa minn idejn il-Kunsill Lokali. Ma jistax ikollok lil xi ħadd li ma jkunx kapaċi jagħmel enforcement. Huma r-residenti li joqgħodu fil-lokalita’ u l-kunsilliera fejn hemm l-aktar ksur ta’ liġi, fejn imorru l-wardens jissorveljaw. Waħda mis-saħħa li kellhom il-K.L. li kienu responsabbli għal warden ta’ pajjiżna u juru eżatt fejn għandu jsir l-enforcement.

Ħaġa oħra li l-flus li kienu jidħlu miċ-ċitazzjonijiet, ħafna minnu kien imur għand il-Kunsill, liema flus kien jintużaw għall-proġetti. Meta kien San Ġiljan kienu jitkellemu kif jużaw dawn il-flus, għall-proġetti fit-tul u bħal San Ġiljan, kienu jagħmlu kunsilli oħrajn. Issa saħħa tal-Kunsilli ġiet ċentraliżżata, għand il-LESA.

Żball ieħor li neħħejna wkoll ir-responsabbilita tat-toroq mill-Kunsilli Lokali tagħna. Kien min jgħid li mhux qegħdin jieħdu ħsieb ċertu toroq, mhux għax kienu rresponsabbli, imma minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Kull sitt xhur il-Kunsilli qiesu qed jitilfu riżorsa mportanti.

Gouder qal li qed jgħid dan kollu mhux biex jinstema’ negattiv, imma għax il-Kunsilli qegħdin jispiċċaw irrelevanti. Dawn saru parti mit-tessut ta’ pajjiżna u għamlu ġid kbir. Ma nistgħux għalhekk inkomplu nnaqqsu mill-poteri tagħhom, anzi rridu nżidulhom. Dawn spiċċaw qieshom “Customer Care”. Biex jieħu xi ħaġa kunsill irid jokrob lil xi Dipartiment tal-Gvern.

Għandu jkollhom is-saħħa li jwettqu dak li jafu u jistgħu jagħmlu. Għandu jkollhom awditjar, imma iva hemm bżonn li jieħdu d-deċiżjonijiet tajbin kif għal ħafna drabi ħadu u ngħinuhom.

Dwar il-“Community Police”, dan kien esperiment li rnexxa, fejn dan kien sar taħt dan il-Gvern u f’San Ġiljan. Dawn xogħolhom kien ikun li jaħdmu b’mod “casual” iżomu l-ordni u jitkellemu mar-residenti u turisti. Kien esperiment li ħadem, iżda għamilnieh għal tliet xhur u waqaf. Hemm il-ħtieġa li jerġa’ jidħol, għax xi ħaġa bħal din tagħti aktar serħan il-moħħ lir-residenti u lil kulħadd.

Dwar l-indafa qal li l-Kunsilli Lokali qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli bir-riżorsi li għandhom, qal li xtaq li jirringrazzja lil Cleansing Department fejn meta jsiru attivitajiet kbar, kif seħħ dan l-aħħar, id-dipartiment bl-armata ta’ nies tiegħu jagħmel xogħol utli. F’St. Patrick’s Day f’San Ġiljan, attivita’ li kibret u spldiet fl-aħħar snin, il-Kunsill Lokali għamel dak kollu li seta’.

Kien hemm bżonn ta’ żieda fis-sigurta’, u tindif, attivita’ li tkuin swiet madwar 20,000 ewro, biex ir-residenti jgħaddu mill-anqas inkonvenjent possibbli. Qabel ma jkun hawn attivitajiet kbar, minbarra San Ġiljan hemm il-Fossos u hawn għandu jkun hemm fond speċjali biex jgħin lil lokalita’. Hekk ir-resident forsi jbatu anqas.

Riforma qed tgħid li minn ħamsa ir-reġjuni se titla’ għal sitta. Din mhux problema qal il-kelliem. Ħamsa f’pajjiżna u waħda f’Għawdex imma il-karigi għandhom jidħlu flimkien u meta jiskadi t-terminu ta’ dawk li hemm preenta.

Riforma li ma tiswiex il-karta li hemm fuqha għax hemm bżonn li l-Kunsilli Lokali jissaħħu u mhux jitnaqqru. L-Għan tagħna dejjem kien li jissaħħu l-Kunsilli Lokali għaliex dik hija l-filosofija tal-Partit Nazzjonalista, li dejjem emmen fil-prinċipju tas-sussidarjeta’. Din m’għandhiex tkun riforma li tnaqqas ir-riżorsi, imma li nagħtuhom u jkollhom dawn ir-riżorsi.