Lokali

Il-persuni down syndrome għandhom jingħataw kull għajnuna u opportunità biex jilħqu l-milja tagħhom tul ħajjithom

Fil-jum iddedikat għal persuni bid-down syndrome, l-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk il-persuni kif ukoll lil qrabathom filwaqt li jibqa’ impenjat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. 

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Degura kif ukoll mill-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem żamm il-bniedem fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika tiegħu. It-twemmin politiku li nħaddnu jenfasizza li kull persuna għandha tingħata kull għajnuna u kull oppurtunità biex tkun tista’ tilħaq il-milja tagħha tul ħajjitha. Għaldaqstant nemmnu li kull persuna għandha tingħata l-għodda meħtieġa biex tkun tista’ tagħmel dan. Mhux biss imma nemmnu li persuni li għal raġuni jew ieħor ikunu żvantaġġjati, jeħtieġ li tingħatalhom attenzjoni u għajnuna partikolari. Ninnutaw iżda b’dispjaċir li bħala pajjiż għadna lura ħafna fejn jidħlu s-servizzi li l-Istat jipprovdi kemm bħala kwalità kif ukoll il-frekwenza li dawn jitwasslu. 

Ħuwa ta’ tħassib li minkejja l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni, l-pensjoni li kull persuna b’diżabilità tirċievi għadha ħafna ‘l bogħod mill-paga minima. Dan mhux biss ta’ żvantaġġ għall-persuna nnifisha imma jpoġġi piż kbir ukoll fuq il-familjari u qrabathom, twassal biex tnaqsilhom mid-dinjità u twassalhom aktar qrib ix-xifer tal-faqar. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux biss iwiegħed kull għajnuna meħtieġa u xierqa, imma impenjat li jipprovdi s-servizzi personalizzati mfassla fuq il-bżonnijiet tal-individwu nnifsu.