Internazzjonali

Il-PM May tikteb lill-UE dwar “estensjoni qasira” ta’ Brexit

Is-sitwazzjoni qed issir iktar urġenti għax minkejja li l-House of Commons ivvotaw kontra ħruġ mill-UE mingħajr ftehim, dan hu eżattament li se jiġri fi żmien disat' ijiem jekk ma jkunx hemm qbil dwar il-ftehim tal-ħruġ mill-UE jew qbil dwar estensjoni ta' Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May illum mistennija tikteb lill-Unjoni Ewropea sabiex formalment titlob estensjoni tal-Artiklu 50 tat-Trattat u testendi l-proċess ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għal wara d-29 ta’ Marzu.

Il-portal BBC jirrapporta li kien hemm argumenti mqanqla fost il-Kabinett Ingliż dwar din il-kwistjoni kif ukoll dwar x’tip ta’ estensjoni se tintalab. Sorsi minn Downing Street qalu li l-PM talbet “estensjoni qasira” ta’ Brexit

May kienet sfurzata tagħmel dan il-pass wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-ftehim tagħha maqbul mal-UE m’għaddiex mill-House of Commons għat-tieni darba. Is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha hekk kif f’ruling mogħti iktar kmieni din il-ġimgħa, l-iSpeaker tal-House of Commons John Bercow qal li l-Prim Ministru ma tistax terġa tpoġġi l-ftehim għal vot ieħor sakemm ma jkunx hemm “tibdil sostanzjali.”

Biex issir estensjoni taż-żmien tal-Brexit, irid ikun hemm qbil unanimu tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Għada, il-PM mistennija tmur Brussels sabiex tiddiskuti l-aħħar żviluppi mal-Mexxejja tal-Istati Membri tal-UE.

Is-sitwazzjoni qed issir iktar urġenti għax minkejja li l-House of Commons ivvotaw kontra ħruġ mill-UE mingħajr ftehim, dan hu eżattament li se jiġri fi żmien disat’ ijiem jekk ma jkunx hemm qbil dwar il-ftehim tal-ħruġ mill-UE jew qbil dwar estensjoni ta’ Brexit