Ambjent Lokali

Il-PN b’ħidma biex il-bdiewa u r-raħħala jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn

Il-bidwi Malti qed jaffaċċja spejjeż doppji f’kompetizzjoni mal-bdiewa barranin. Għalhekk il-Parit Nazzjonalista se jaħdem biex il-bdiewa u r-raħħala jingħataw l-għajnuna fuq il-fuel u l-enerġija.

Bdiewa barranin qegħdin jixtru tractors minn barra li qed jiġu b’diesel aħmar, immarkat apposta għall-bdiewa u jixtru diesel b’nofs prezz minn Sqallija, meta f’Malta jinxtara bid-doppju tal-prezz. Din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt negattiv u piżijiet kbar fuq il-bdiewa Maltin u Għawdxin li qed jaffaċċjaw spejjeż doppji. Sostnew dan  il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Biedja Edwin Vassallo kif ukoll il-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Pitkalija.

Dan kollu qed joħoloq sitwazzjoni fejn il-prodott barrani għandu vantaġġ kbir fuq il-prodott Malti lokali bil-konsegwenza li qed jiġi impurtat 70% tal-frott u ħaxix. Il-bdiewa qegħdin jaffaċċjaw l-istess sitwazzjoni fuq il-prezz u l-varjetà tal-bexx. Dan meta ċertu bexx jinsab għal bejgħ bi prezz li huwa d-doppju ta’ dak fi Sqallija.

Edwin Vassallo qal li jekk ifalli l-bidwi Malti se jispiċċa biex ibati kulħadd.  Dan għaliex il-konsumatur barrani jibda jgħolli l-prezz tal-prodotti li jimporta lejn pajjiżna. Jekk nispiċċaw niddependu kompletament mill-ikel impurtat, dan żgur li ma jkunx għaqli. Huwa sostna li filwaqt li huwa tajjeb li jsiru kampanji ta’ informazzjoni, waħedhom ma jistgħux isolvu l-problemi fis-settur tal-biedja. Il-Gvern hemm bżonn li jibda jaħdem favur il-bdiewa Maltin.

Min-naħa tiegħu Peter Agius qal li waqt taħdidiet li kellu mal-Kummissjoni Ewropea ngħata l-konferma li kull pajjiż għandu d-dritt li jagħti diesel sussidjat lill-bdiewa u raħħala. Huwa sostna li l-Kummissjoni kkonfermat ukoll li kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jagħtu xi tip ta’ sussidju, jew fl-elettriku jew diesel iżda f’Malta dan mhux qed isir.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jagħmel pressjoni u se jkun qed jixpruna lill-Gvern sabiex immedjatament tiġi mnedija skema ta’ sussidju dirett fuq l-enerġija għall-bdiewa u r-raħħala, b’mod li l-enerġija kollha li jikkonsmaw jingħatalhom b’nofs prezz. Dan fi skema ta’ għajnuna lill-bdiewa approvata mill-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni Ewropea bħala state aid. Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li hemm bżonn ta’ politika serja għas-settur tal-biedja, li timbotta u tivvalorizza l-prodott lokali filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-bidwi Malti biex jikkompeti mal-prodott barrani.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit, is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella kif ukoll il-kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista f’B’Kara Antoine Attard.