Lokali Unjoni Ewropea

Il-PN jivvota biex il-Fidesz jiġi sospiż mill-PPE

Il-Partit Nazzjonalista llum ivvota biex il-partit politiku fil-Gvern Ungeriż, Fidesz jiġi sospiż mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) wara numru ta’ deċiżjonijiet li ħa li ma tqisux li huma konsistenti mat-twemmin tal-PPE. Il-mozzjoni għaddiet b’190 vot favur u 3 kontra. 

Fl-aħħar ġimgħat, il-Fidesz, immexxi mill-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán issokta b’kampanja ta’ propaganda kontra l-Unjoni Ewropea, kif ukoll biddel liġijiet li wasslu biex Università jkollha titlaq minn Budapest. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet għandhom jiġu rtirati. Sakemm din it-tip ta’ attitudni ma tinbidilx, post il-Fidesz mhux fil-familja politika tal-Partit Popolari Ewropew, li dejjem iddefenda lin-nies u s-saltna tad-dritt. Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Fidesz jbiddel ir-rotta kemm jista’ jkun malajr. 

Fl-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, il-Partit Nazzjonalista kien irrappreżentat mis-Segretarju Internazzjonali tal-partit Roselyn Borg Knight, mill-Kap tad-Delegazzjoni fil-Parlament Ewropew David Casa, u l-Membri l-oħrajn tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.  

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinsab fi triqtu lejn Brussell biex għada filgħodu jattendi għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, fejn se jiġu diskussi l-aħħar żviluppi dwar Brexit.