Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Ministru Chris Fearne, li wara aktar minn sena minn meta sar l-appell tal-PN, il-Gvern qed jgħid li se jipprovdi l-Continuous Glucose Monitors.
Minkejja li l-Gvern ħela sena, u f’daż-żmien lanqas pprovda labar tal-4mm għat-tfal, li allura kellhom jużaw dawk tas-6mm li jweġġgħu aktar, il-PN huwa sodisafatt li fl-aħħar wara l-bosta appelli li għamel, dawn it-tfal jistgħu jtaffu mill-uġiegħ permezz tal-Continuous Glucose Monitors li hu tant imbotta u xpruna lill-Gvern għalihom. Din hija t-tielet proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar id-dijabete li ġiet imwettqa mill-Gvern. It-tnejn l-oħra kienu jikkonċernaw id-Diabetic Nurses f’Għawdex, u li jitwaqqaf il-Kumitat tal-Parlament fuq id-Dijabete.
L-appell għall-Continuous Glucose Monitors kien sar wara li Francis Zammit Dimech kien organizza konferenza nazzjonali fuq id-dijabete f’Jannar tal-2018 taħt il-Patroncinju tal-President ta’ Malta, fejn bost ġenituri tat-tfal bid-dijabete kienu qalulu li qed jispiccaw jitilfu l-marki ta’ subgħajhom minhabba li jkollhom jittaqbu bosta drabi f’ġurnata biex jagħmlu moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm, u li setgħu jiġu evitati permezz tal-Continuous Glucose Monitors.
F’April tal-2018, Francis Zammit Dimech kien kiteb lil Chris Fearne biex il-Gvern jintroduċi l-Continious Glucose Monitors. Wara li ma kienx ħa azzjoni, Zammit Dimech reġa’ kitiblu f’Ġunju. L-appell kien sar ukoll waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tas-Saħħa f’Lulju li għadda.
F’Novembru tal-2018, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea ukoll kien appella biex dan ikun provdut. Francis Zammit Dimech kien anke prpopona sabiex il-Gvern jagħmel disponibbli b’xejn il-Lancet Device lid-dijabetiċi biex ibatu anqas bil-labra.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat sabiex jiżgura li d-dijabetiċi Maltin u Għawdxin jingħatalhom l-aqwa servizz. Għalhekk ukoll Francis Zammit Dimech kellu taħdidiet mal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete fejn ġew diskussi l-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar id-dijabete, li se jiġu mnedija fil-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>

