Lokali Qorti

“Imperattiv li l-ħatriet fil-Bank tal-Ġudikatura jsiru b’mod rett”

Il-ħatriet u n-nomini ta’ Maġistrati u Imħallfin fil-Bank tal-Ġudikatura għandhom isiru bl-aħjar mod possibbli u m’għandu jkun hemm lok għall-ebda ħolqien ta’ sitwazzjonijiet li jnisselu nuqqas ta’ fiduċja fil-Qrati Maltin.

Imbagħad darba persuna tinħatar membru fil-Bank tal-Ġudikatura, din immedjatament għandha tintrebaħ mill-amor proprju u tassigura li kull ġudizzju jsir mingħajr ma tħares lejn l-ebda wiċċ jew kulur.

Minn investigazzjoni ġurnalistika li għamel fil-jiem li għaddew il-programm ‘Sorsi Infurmati’ dwar is-sitwazzjoni fil-Qrati Maltin, emerġew diversi punti tassew interessanti fosthom ukoll kif l-Avukat Pawlu Lia, li hu l-Avukat tal-Partit Laburista u saħansitra l-Avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu meqjus bħala ta’ theddida fl-Awli minħabba li fl-istess waqt jokkupa wkoll kariga importanti fil-Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati Maltin.

Sensiela impressjonanti ta’ Avukati tkellmu ma’ ‘Sorsi Infurmati’ f’dan l-eżerċizzju investigattiv, fosthom Joe Giglio, Joe Brincat, Edward Debono, Malcolm Mifsud, Richard Sladden, Joe Ellis, Arthur Azzopardi u Anġlu Farrugia mhux fil-vesti tiegħu ta’ Speaker tal-Parlament.