Ambjent Lokali

Is-civic amenity sites ħarbu minn idejn il-Ministru Herrera

Ic-civic amenity sites saru aktar jixbħu l-junkyards flok jaqbdu l-irwol tagħhom għall-iskart goff u r-riċiklaġġ. Din hija konferma tal-inkompetenza tal-Ministru Josè Herrera u l-ħela ta’ fondi pubbliċi f’konsolenzi għal xejn fil-Wasterserv lil ftit magħżula. 

Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Inizjattivi Ħodor Jason Azzopardi u mill-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio.

Il-Partit Nazzjonalista kiteb liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar biex issir diskussjoni dwar din is-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli.

Is-sitwazzjoni mwegħra fis-civic amenity sites hija r-responsabbilita tal-Ministru Josè Herrera li taħtu jaqgħu l-ERA u l-Wasteserve. Dawn iż-żewġ entitajiet qegħdin jibqgħu ċassi quddiem din is-sitwazzjoni, li qed tmur mill-ħażin għall-agħar tant li spiċċa biex inġib fix-xejn l-iskop li għalih saru dawn is-siti.

Kien ikun aħjar għall-Ministru Herrera, kieku veru jrid ikun responsabbli u jaqdi dmiru, li flok rema’ €700,000 f’reklami fuq it-TV biss matul l-2018, biex jgħidilna kemm l-ambjent miexi fuq ir-rubini, li jxammar il-kmiem u jaħdem bis-serjeta fil-qasam ambjentali, flok jagħti l-konsulenzi għal xejn lill-konsulenti ta’ Kastilja, Nexia BT.