Bejn il-25 u d-29 ta’ Marzu, 27 student li qed jitħarrġu fil-futbol fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, se jmorru għal kamp ta’ taħriġ fil-kapitali tas-Serbja Belgrad. Din l-inizjattiva hi t-tieni waħda wara li ftit ġimgħat ilu kienu l-istudenti tal-waterpolo li marru Ruma għal kamp ta’ taħriġ simili.
Dawn l-istudenti se jkunu mal-għalliema u kowċis tal-futbol Stefan Sultana u Paul Zammit, żewġ persuni b’għarfien vast fiż-żewġ setturi. F’diskors li għamel, Paul Zammit qal li huma ma ridux joffru esperjenza sportiva biss iżda fil-programm riedu jinkludu sitwazzjonijiet tal-ħajja.
Zammit iddeskriva dan il-kamp ta’ taħriġ bħala impenjattiv fejn minbarra tliet sessjonijiet ta’ taħriġ, il-grupp ta’ studenti se jilgħab tliet logħbiet kontra timijiet rinomati fis-Serbja bħal Red Star Belgrade, Partizan Belgrade u Cukaricki.
Din l-esperjenza qed issir b’kollaborazzjoni mal-kumpanija iSports li r-rappreżentant tagħha f’pajjiżna hu Marko Glumac li ilu diversi snin f’pajjiżna bħala kowċ.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li teżisti kollaborazzjoni bejn l-MFA u l-NSS fejn saħaq li huma wkoll għandhom il-ħsieb li “mhux biżżejjed li nilagħbu bejnietna imma rridu nkejlu ma’ ħaddieħor.”
Hu għamel referenza għall-programm li ġie spjegat fuq fuq minn Paul Zammit fejn qal li hu simili bħal dak li jkollhom it-timijiet tal-kbar. Chetcuti għamel appell lill-ġenituri biex ikomplu jagħtu s-sapport lit-tfal tagħhom iżda b’responsabbiltà għaliex saħaq li xi kultant il-ġenituri jinvolvu ruħhom wisq għad-detriment tal-istess tfal.
“F’dan il-kamp ta’ taħriġ hemm ukoll sens ta’ sagrifiċċju li tbati biex tieħu l-premju u nawguralkom biex tieħdu l-aħjar minn din l-esperjenza,” kompla Angelo Chetcuti.
Preżenti wkoll il-Kap tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara Keith Bartolo li rringrazzja lill-ġenituri tal-impenn li jagħmlu filwaqt li qal lit-tfal li biex isiru plejers iridu jkunu rġiel ukoll.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li SportMalta se tkun qed tissusidja parti mill-ispejjeż għal din il-mawra filwaqt li se tirrifondi parti mill-finanzi lill-ġenituri tal-istudenti tal-waterpolo.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li dawn it-tfal se jkunu ambaxxaturi ta’ pajjiżna u kompla li l-istudenti se jkunu parti minn sistema edukattiva ħajja.
Hu għamel referenza għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport li minn kliemu se titnieda f’Ġunju li ġej. Mistoqsi dwar l-involviment tal-Kumitat Olimpiku Malti, Grima qal li dejjem kienu nvoluti u jqishom bħala sħab essenzjali.
Clifton Grima kien mistoqsi wkoll dwar jekk hux se jkun hemm għażla ta’ sport partikolari f’din l-istrateġija. “Mhux se niddejjaq ngħid, irid jittieħdu ċertu deċiżjonijiet. Se jkun hemm sport li jitqies aktar minn ieħor mhux bħala finanzjament biss. Il-Waterpolo jista’ jkun benchmark li tagħti direzzjoni.”
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport fetħet fl-2012 bl-għan li toħloq kultura sportiva ġdida fejn l-istudenti li jispikkaw akkademikament kif ukoll fis-settur sportiv, ikunu jistgħu jikbru f’dawn iż-żewġ oqsma flimkien.